ARĊIPRIET ĠDID GĦALL‑PARROĊĊA TAŻ‑ŻURRIEQ
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Daniel Cardona bħala arċipriet tal‑parroċċa ta’ Santa Katarina fiż‑Żurrieq waqt li rringrazzja lil Dun Karm Mercieca, li serva bħala arċpriet u se jkompli jagħti s‑servizz tiegħu fl‑Arċidjoċesi.
Dun Daniel Cardona twieled il‑Pietà fis‑27 ta’ Marzu 1973. Irċieva l‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù, ir‑Rabat, u ggradwa fil‑Filosofija u t‑Teoloġija mill‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta.
Huwa ġie ordnat saċerdot fit‑2 ta’ Lulju 1999 u beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil parroċċa ta’ San Filep ta’ Aġira f’Ħaż‑Żebbuġ bħala viċi arċipriet. Fl‑2004 beda jservi bħala arċipriet tal‑istess parroċċa sa Ottubru 2021.
Il‑parroċċa ta’ Santa Katarina fiż‑Żurrieq tiġbor fiha madwar 10,800 persuna.
ARĊIPRIET ĠDID GĦALL‑PARROĊĊA TA’ STELLA MARIS, TAS‑SLIEMA
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Denis Schembri bħala arċipriet tal‑parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas‑Sliema, waqt li rringrazzja lil Dun Anton Portelli, li serva bħala arċipriet u se jkompli jagħti s‑servizz tiegħu fl‑Arċidjoċesi.
Dun Denis Schembri twieled f’San Ġiljan fid‑19 ta’ Awwissu 1951. Irċieva l‑edukazzjoni tiegħu fil‑Kulleġġ ta’ Stella Maris fil‑Gżira u l‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju. Huwa ggradwa fil‑Filosofija u t‑Teoloġija mill‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta.
Huwa ġie ordnat saċerdot fil‑21 ta’ April 1979. Il‑ħidma pastorali tiegħu wettaqha bħala viċi kappillan fil-parroċċi tal-Isla u ta’ Ħaż-Żabbar. Kien ukoll rettur taż‑żona pastorali awtonoma tal-Ibraġ u Pembroke. Dun Denis għamel 25 sena jservi fl‑Arċidjocesi ta’ Turin fl‑Italja fejn qeda l‑missjoni tiegħu bħala kappillan fil‑parroċċi ta’ Gesù Cristo Signore u f’Sant’Ermenegildo Re e Martire. Lura f’Malta serva bħala kappillan fil‑parroċċa tal-Imtarfa u l‑Manikata.
Il‑parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema tiġbor fiha madwar 3,000 persuna.
AMMINISTRATUR PARROKKJALI GĦALL‑PARROĊĊA TAL‑MANIKATA
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Peter Paul Sultana bħala amministratur parrokkjali tal‑parroċċa ta’ San Ġużepp fil‑Manikata.
Dun Peter Paul Sultana twieled f’Ħal Tarxien fit‑30 ta’ Lulju 1983. Irċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola ta’ Raħal Ġdid, l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir‑Rabat, l‑edukazzjoni postsekondarja fil‑Junior College, l‑Imsida. Iggradwa bħala għalliem fl-Arti u fl-Edukazzjoni Fiżika mill-Università ta’ Malta u anke attenda l‑Iskola tal‑Arti fil-Belt Valletta. Huwa rċieva l‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju Redemptoris Mater f’Macerata, l‑Italja, u kiseb il‑Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali mill‑Istitut Pontifiċju Giovanni Paolo II f’Ruma, l‑Italja.
Huwa ġie ordnat saċerdot fl‑10 ta’ Mejju 2014. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑parroċċa ta’ Chiesanuova di Treia f’Marche, l‑Italja. Dun Peter Paul ssejjaħ f’Malta sabiex jagħti s‑servizz tiegħu fil‑komunitajiet tal‑Mixja Neokatekuminali. Minn Settembru 2019 beda jservi bħala chaplain tal‑Giovanni Curmi Higher Secondary School fin‑Naxxar u ta wkoll servizz pastorali fil‑parroċċa tas‑Swatar. Dun Peter Paul wettaq ukoll esperjenza missjunarja fl‑Irlanda.
Il‑parroċċa ta’ San Ġużepp fil‑Manikata tiġbor fiha madwar 800 persuna.
//= $special ?>