Lokali Parlament

“Dikjarazzjonijiet tal-Ministru Dalli ma jaqblux mal-istrateġija tal-gvern tagħha stess”

Mark Anthony Sammut, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut dak li qed tgħid il-Ministru Miriam Dalli ma jaqbilx ma’ dak li tgħid l-istrateġija tal-gvern tagħha.

Fl-Aġġornament tal-parlament Mark Anthony Sammut qal li kien meta tela’ dan il-Gvern fl-2013 li l-impenn għal offshore wind farm waqfet, u wkoll, fil-policy tal-Gvern National Renewable Energy Action Plan tal-2015, l-idea ta’ wind farms sparixxiet għal kollox u l-policy tal-Gvern iffukat biss fuq is-solar panels.

Ironikament fl-2015, neħħew il-wind farms mill-policy tal-gvern għall-enerġija, imma investew f’windfarm fil-Montenegro. Għax hemm kienu l-prioritajiet. X’sar minnha dik l-investigazzjoni? Il-Ministru Dalli ilha sentejn tirrifjuta li tippubblikaha għax tgħid li hemm l-investigazzjonijiet tal-pulizija. Fejn huma l-pulizija?

Fir-reazzjoni tagħha għall-Pjan ta’ Malta, f’Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li ‘l-livell ta’ ambizzjoni ta’ Malta għall-enerġija rinovabbli jibqa’ baxx u mhux ambizzjuż’.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ewwel pass li però li jrid isir biex verament mhux biss ninvestu fl-enerġija rinovabbli, mhux biss inwettqu l-floating offshore wind farm, imma nibdew insiru ċentru u mexxejja tal-investiment f’dan il-qasam, huwa li jiġi aġġornat il-pjan dwar kif Malta se tilħaq il-miri dwar l-enerġija li tiġġedded.

Mark Anthony Sammut qal li mhux biss għadna nitnikkru, imma filwaqt li l-Ministru Dalli tgħid kull fejn titkellem li l-pjan tal-Gvern hu li jkollna floating offshore wind farm sal-2030, proprju kif ppropona l-PN is-sena l-oħra, l-Istrateġija tal-Enerġija tal-Gvern li fuqha jibbaża l-policies tiegħu, ‘Malta’s 2030 National Energy and Climate Plan’, strateġija li varaw biss sentejn u nofs ilu, għadu jgħid hekk f’paġna 32: ‘floating offshore wind does not constitute a viable short- or medium-term option for Malta’… ‘neither onshore nor offshore wind energy are included as a viable renewable technology option contributing to Malta’s renewable energy objectives for the EU’s 2030 target’.

L-ewwel pass li jrid isir hu li l-Gvern jaġġorna l-pjan tiegħu u l-Istrateġija tiegħu għall-Enerġija, speċjalment għall-enerġija rinovabbli. Ma jistax ikun il-Ministru Dalli tgħid mod u l-istrateġija tal-gvern tagħha tgħid mod ieħor, inkella mhux ħa jkun hemm viżjoni ħolistika biex naslu f’dan il-qasam.

F’dan is-settur, m’hemm l-ebda problema li tikkuppjana, m’għandi l-ebda problema li tieħu mill-viżjoni tagħna, anzi nixtiequ, li f’dan is-settur, jekk irridu niġġieldu t-tibdil fil-klima, jekk irridu nnaqqsu d-dipendenza fuq il-fossil fuels, jekk irridu naslu għal ħafna iżjed investiment f’dik li hi enerġija rinovabbli, jkollna pjan fit-tul, strateġija ħolistika, li jkun jista’ jaqbel magħha kulħadd, sostna d-deputat Nazzjonalista

Biex ikollna arja iżjed nadifa, biex nibżgħu għall-ambjent, biex innaqqsu l-emissjonijiet, biex niddependu inqas fuq il-gass u l-fossil fuels, biex ma nkomplux inħallsu l-miljuni f’carbon credits kull sena kif l-estimi tal-Gvern stess juru li għamilna u għadna qed nagħmlu. Miljuni li minflok nistgħu ninvestuhom fil-poplu tagħna u fil-kwalità tal-ħajja tiegħu.