Internazzjonali

Franza: Emmanuel Macron se jsibha diffiċli ferm li jressaq ir-riformi li jrid wara li tilef il-maġġoranza fl-Assemblea Nazzjonali

France's President Emmanuel Macron delivers a speech during a joint press conference with Romanian President Klaus Iohannis, Prime Minister of Italy Mario Draghi, Ukraine President Volodymyr Zelenskyy, and German Chancellor Olaf Scholz in Kyiv, Thursday, June 16, 2022. The leaders of four European Union nations visited Ukraine on Thursday, vowing to back Kyiv's bid to become an official candidate to join the bloc in a high-profile show of support for the country fending off a Russian invasion. (Ludovic Marin, Pool via AP)

Il-Gvern Franċiż, bħalissa, għaddej minn żmenijiet bla preċedent wara li l-koalizzjoni taċ-ċentru mmexxija mill-President Emmanuel Macron tilfet l-għexieren tas-siġġijiet waqt it-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi.

Minn din l-elezzjoni ħarġu l-aħjar l-Alleanza politika tax-Xellug flimkien mal-estremisti tal-lemin – bl-elettorat ma jagħtix każ it-talba ta’ Macron biex il-koalizzjoni tiegħu tingħata mandat qawwi biex Franza tkun tista’ taddotta ‘il-bidliet meħtieġa’ fix-xhur u snin li ġejjin.

F’din is-sitwazzjoni, il-politika ta’ Franza spiċċat frammentata u issa kollox qed jindika li Macron se jsib l-ostakoli kbar fis-sitwazzjonijiet fejn jipprova jgħaddi xi riformi ( li wħud jinvolvi s-sistema tal-pensjonijiet) għall-approvazzjoni tal-Assemblea.

Intant, il-Prim Ministru ġdid ta’ Franza, Elisabeth Borne  — li għadha kemm laħqet fil-kariga – qalet li hi qatt ma rat Assemblea Nazzjonali bħal din filwaqt li wissiet li s-sitwazzjoni qed tippreżenta element qawwi ta’ sogru għal pajjiżha.

Fl-istess ħin, l-akbar żewġ gruppi politiċi fl-Assemblea – apparti l-alleanza ta’ Macron – mhumiex interessati li jikkollaboraw mal-President fid-deċiżjonijiiet li jaffettwaw il-futur ta’ Franza.

Il-Ministru Franċiż għall-Ekonomija, Bruno Le Maire, qed jinsisti li Franza ma spiċċatx f’sitwazzjoni li tirrendi l-governanza bħala xi ħaġa impossibbli. Iżda hu ammetta li l-Amministrazzjoni ta’ Macron, fil-jiem li ġejjin, se teħtieġ ‘ħafna immaġinazzjoni’ biex tmexxi l-pajjiż ‘il quddiem.

U waqt li Macron spiċċa umiljat u f’pożizzjoni dgħajfa wara r-rawnd elettorali deċiżiv, Jean-Luc Melenchon – ir-rivali etern tiegħu u Kap tax-xellug radikali —  qed igawdi din l-arja ta’ suċċess wara li rnexxielu jgħaqqad il-partiti tradizzjonali tax-xellug mal-Komunisti u l-Ħodor, bħala alleanza bl-isem ‘Nupes’.

Melenchon qal lis-sostenituri tiegħu li l-koalizzjoni tal-President Macron sofriet disfatta kbira u li issa, l-alleanza tal-istess Melenchon għandha ‘kull possibbiltà f’idejha’ peress li saret l-akbar qawwa tal-Oppożizzjoni fi Franza.

Anki Marine Le Pen u l-Partit estremista tagħha (tal-lemin) bl-isem Rally Nazzjonali jinsabu ferħanin ħafna bir-riżultat tal-Ħadd….Riżultat li jfisser konsolazzjoni kbira għal Le Pen ftit anqas minn xahrejn wara li hi kkuntestat għall-Presidenza Franċiża u tilfet kontra Macron.

Fil-fatt, ir-Rally Nazzjonali żied is-siġġijiet tiegħu fl-Assemblea minn tmienja għal 89 u li, fih innifsu, jindika t-theżżiża politika li għaddejja minnha Franza bħalissa.Marine Le Pen, fl-aħħar sigħat, qalet li ‘il-poplu tkellem’ u li l-vot għall-Assemblea jikkonferma li Emmanuel Macron se jkun qed imexxi Gvern ta’ minoranza.

Intant, xi osservaturi politiċi qalu li l-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi issa qed tirrifletti aħjar il-fehmiet taċ-ċittadini Franċiżi waqt li esprimew tamiet li l-partiti ta’ kontra Macron, minkejja kollox, jiddeċiedu biex iservu bħala Oppożizzjoni kostruttiva.