Lokali

Id-deputati tal-PL jitkellmu dwar il-kontroversja tal-Avviż Legali tal-mużika fil-Belt

L-aħħar minn sensiela ta’ kontroversji li qed jiżviluppaw f’dawn il-jiem, wara l-Gvern Laburista qed jibqa’ jżomm mal-istil tiegħu li jagħmel manuvri minn wara dahar kulħadd – L-aħħar każ huwa dwar l-Avviż Legali li jagħti permess biex il-mużika, f’ċertu toroq tal-Belt Valletta, tibqa’ għaddejja sas-siegħa ta’ filgħodu minflok sal-ħdax ta’ filgħaxija.

Illum staqsejna dwar dan lil numru ta’ deputati tal-Gvern, li ħafna minnhom dehru skomdi iwieġbu dwar din it-tema, għaliex jafu li minn Kastilja injoraw kompletament lir-residenti tal-Belt Valletta. Filfatt kompliet il-kontroversja dwar dan l-Avviż Legali. Dan tal-aħħar wassal sabiex diversi Beltin wrew d-dispjaċir tagħhom għal mod kif din l-emenda fil-liġi saret minn wara dahar kulħadd, mingħajr ma’ ġie infurmat il-Kunsill lokali tal-Belt u wisq għanqas ir-residenti Beltin.

Dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni fil-Parlament biex din il-materja tiġi diskussa mill-aktar fis. Minn naħa l-oħra, l-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Christian Micallef, spjega kif hu flimkien mal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista kienu dejjem konsistenti fil-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni. U saħaq li jrid jinstab il-bilanċ bejn il-komunita’ residenzjali u dik kummerċjali.

Dan kollu, filwaqt li l-Kunsilliera tal-Partit Laburista għadhom ikaxkru saqajhom biex jiltaqgħu u jiddiskutu l-materja ħalli tittieħed pożizzjoni. Bid-deputati Laburisti li ġew eletti mill-Ewwel Distrett, jidher li se jagħżlu li jmorru kontra dak li jridu l-istess residenti li eleġġewhom fil-Parlament.

Dwar din il-materja taħraq, staqsejna lil numru ta’ Ministri u Deputati tal-Gvern. Min evita d-domandi, min qalilna li hu favur din il-liġi l-ġdida u min qalilna li għadha trid tiġi diskussa, anke jekk diġa daħlet fis-seħħ. Dawn il-mistoqsijiet ta’ Net News jaslu wara li l-gazzetta ‘Illum’ irrapurtat li l-ebda deputat tal-Ewwel Distrett ma’ ta’ tweġiba jekk huwiex kontra jew favur dan l-avviż legali. Filfatt, id-deputati tal-Labour inħbew wara risposta li intbgħatet f’isem kulħadd mill-Partit Laburista. Stqarrija illi qalet li d-Deputati kollha tal-Gvern jaqblu ma’ dan l-avviż legali.