Ir-Rappreżentant Għoli responsabbli mill-politika barranija tal-Unjoni Ewropea akkuża lir-Russja dwar ‘reat tal-gwerra’ minħabba li r-Russi mhumiex jippermettu t-trasport ta’ miljuni ta’ tunnellati ta’ qmuħ mill-Ukrajna lejn l-aktar pajjiżi fil-bżonn.
Josep Borrell qal li fid-dinja tallum bilkemm jitwemmen li dawn it-tunnellati kollha ta’ qmuħ jistgħu jibqgħu weqfin fl-Ukrajna u meta hemm il-miljuni madwar id-dinja li qegħdin isofru l-ġuh.
Borrell, intant, insista biex ir-Russja tippermetti l-movimenti tal-kunsinni mill-portijiet tal-baħar tal-Ukrajna – u meta bħalissa qed jiltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE biex jiddiskutu l-kriżi.
Il-pajjiżi tal-Punent komplew jinsistu biex ir-Russja tirtira l-istat ta’ assedju fuq il-portijiet Ukreni mal-Baħar l-Iswed waqt li tippermetti biex il-qmuħ jaslu fis-swieq tad-dinja.
Is-sitwazzjoni li qed tinsisti biha r-Russja ġġenerat l-inkwiet li għexieren ta’ miljuni ta’ nies qed jispiċċaw ibatu l-ġuh – b’konsegwenza oħra tkun l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-ikel madwar id-dinja minħabba ċ-ċirkustanzi fl-Ukrajna.
Qabel il-laqgħa tal-Ministri fil-Lussemburgu, Josep Borrell qal li ‘l-aġir tar-Russja għandu tassew jitqies bħala reat tal-gwerra’ u meta hu ma jimmaġinax li s-sitwazzjoni allarmanti għandha tkompli għal ħafna żmien.
Borrell anki għamilha ċara li r-Russja ‘ikollha tagħmel il-kontijiet mad-dinja’ jekk tkompli twaqqaf il-kunsinni tal-qmuħ milli joħorġu mill-Ukrajna. L-Unjoni Ewropea ma taċċettax l-ispjegazzjoni tar-Russja li l-prezzijiet għoljin tal-ikel –flimkien man-nuqqasijiet – fil-Lvant Nofsani u l-Aftika huma riżultat tas-sanzjonijiet li l-istess Unjoni imponiet fuq Moska minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna.
Josep Borrell intant qal li l-UE ‘fl-ebda ħin ma ħarġet b’sanzjonijiet li jindirizzaw l-ikel u l-fertilizzanti’ u li l-problema ġejja ‘kollha kemm hi mill-ostakolar tal-qmuħ min-naħa ta’ Moska’.
Numru ta’ Ministri Ewropej qalu wkoll li r-Russja ma tistax tutilizza l-potenzjal ta’ ġuh fuq livell globali u bħala arma kontra l-Punent. Dan fost qbil li d-direttivi minn Moska biex ‘iċ-ċereali jibqgħu weqfin f’post wieħed’ huma anki perikolużi għall-istabbilità tad-dinja.
//= $special ?>