L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara li jrid ikun il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) innifsu li jiddeċiedi jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa jixhidx dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.
It-talba għal ruling saret mid-deputat Nazzjonalista u membru fil-PAC Graham Bencini wara li fl-aħħar laqgħa tal-PAC dwar il-power station tal-Electrogas, id-deputati Laburisti membri fil-PAC oġġezzjonaw li jixhed il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa.
Id-deputati Nazzjonalisti identifikaw lill-Kummissarju tal-Pulizija bħala l-ewwel xhud tagħhom għas-seduta ta’ għada t-Tlieta 21 ta’ Ġunju 2022 iżda d-deputati Laburisti oġġezzjonaw għal dan. Fil-passat, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien John Rizzo u anki l-istess Angelo Gafa, qabel sar Kummissarju, kienu xehdu quddiem il-PAC fuq każi oħra.
Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li r-regoli jistabilixxu li l-PAC għandu s-setgħa li, fost l-oħrajn, jistħarreġ il-kontijiet pubbliċi u jeżamina l-kontijiet tal-korporazzjonijiet. Is-Sedja tħoss li għadu jkun il-Kumitat innifsu li jifhem il-mod kif jirregola lilu nnifsu.
L-Ispeaker qal li jistgħu jisseħju uffiċjali ta’ korporazzjoniiet quddiem il-PAC, iżda mill-ebda regola ma jirriżulta li għandu jkun hemm investigazzjoni dwar dak li qed twettaq il-Pulizija.
L-Ispeaker qal li s-Sedja hi konxja li hu l-Kumitat li jrid jddeċiedi min u li għandu jixhed skont osservazzjoni stretta tal-poteri li għandu l-istess Kumitat.
Fir-ruling tiegħu hu appella biex ikun hemm sforz ġenwin dwar meta jissejjaħ vot fuq ix-xhieda li jissejħu quddiem il-PAC u qal li s-Sedja tinsab preokuppata serjament bis-sitwazzjoni.

