Lokali

Imnedija kampanja ‘L-Ilsien Malti Għal Qalbi’ favur l-użu tal-lingwa Maltija

Il-lingwa unika fid-dinja… il-lingwa Maltija.

Lingwa li hemm biża’ li tintilef maż-żminijiet.

Kien għalhekk li numru ta’ għaqdiet Maltin, flimkien mal-President ta’ Malta, nedew kampanja favur l-użu tajjeb tal-lingwa Maltija – ‘L-Ilsien Malti Għal Qalbi’.

Matul it-tnedija fil-Palazz ta’ San Anton, intqal kif din il-kampanja m’għandix l-għan li teqred il-bilingwiżmu minn pajjiżna iżda mod kif wieħed jgħaraf aħjar meta u kif għandu juża’ l-Malti u lingwi oħra.

Net News tkellem mal-President ta’ Malta, George Vella li spjegalna l-importanza tal-użu tal-lingwa Maltija.

“Uża l-Malti meta għandek tużah u uża lingwi oħra meta għandek tużahom. Iżda ejjew nirrispettaw il-Malti u nużawh tajjeb.”

Din il-kampanja, li se jkollha tema differenti kull xahar, se tkun immirata wkoll għal barranin li qed jgħixu f’pajjiżna.

Għalliem Malti li qed jaħdem fuq din il-kampanja, Kit Azzopardi spjegalna kif il-Malti mhux sempliċiment mezz ta’ komunikazzjoni iżda hu ħafna iktar minn hekk.

“Il-Malti hu simbolu ta’ identità u b’hekk wieħed jista’ jgħinu jappartjeni għall-kultura Maltija. Maltin li jgħixu barra minn Malta u li jħadnu din il-lingwa għax ittihom identità u ambjent iktar familjari anke jekk ‘il bogħod minn pajjiżhom.”

Stħarriġ li kien sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bejn Novembru u Diċembru tal-2020 fuq kampjun ta’ ftit iktar minn 1,000 ruħ irriżulta li 97% tal-popolazzjoni b’ċittadinanza Maltija, ta’ bejn it-18 u t-80 sena, iqisu l-Malti bħala l-ewwel lingwa tagħhom.