Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ wara li ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti

Żagħżugħ ta’ 22 sena li ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti meta nstab barra mid-dar mill-ħin stipulat fost akkużi oħrajn ġie meħlus mill-arrest wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. Huwa ġie mixli li wettaq dan ir-reat għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu ta’ sbieħ il-Ħadd li għadda.

Huwa wieġeb mhux ħati wkoll li għamel ħsara fuq propjetà ta’ mhux aktar minn 250 ewro, li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuq mill-Qorti.

Il-prosekuzzjoni qalet li nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm xi nies fi blokk ta’ appartamenti u li ma kinux residenti. Il-Pulizija marru fuq il-post fis-1am u sabu lill-akkużat u persuna oħra rieqda f’kamra fuq il-bejt.

Allegatament, l-akkużat kien qed jikser il-libertà proviżorja peress li kien lil hinn mill-ħin tal-curfew tad-9pm kif ordnat mill-Qorti. Sid il-blokk tal-appartamenti Paul Gauci Maistre informa lill-pulizija li ġarrab ħsarat f’serratura fil-blokk tal-appartamenti tiegħu.

Meta tkellem mill-pulizija, l-akkużat spjega li aktar kmieni huwa kellu argument ma’ Christian Cali li kien qed jheddu u mar sab kenn fil-blokk ta’ appartamenti. Huwa ngħata l-pleġġ bil-kundizzjoni li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra bejn it-8am u t-8pm u li jkun id-dar sad-9pm u ma joħroġx qabel is-7am. u fuq depożitu ta’ 1,000 ewro u garanzija personali ta’ 5,000 ewro. Ghalih deheru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.