Lokali Parlament

Ma żammewx il-wiegħda li jeliminaw il-lista ta’ stennija tad-djar; fadal 1,300 applikazzjoni

Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-parlament li l-Gvern ma żammx il-wiegħda tiegħu li jelimina l-lista ta’ stennija tad-djar; tant li fadal 1,300 applikazzjoni.

Ivan Bartolo qal li mhux biżżejjed li l-familji jingħataw saqaf fuq rashom; dan hu settur delikat li fih l-isfida tal-bnedmin Ii ma jkunux għaddejjin minn ħajja normali trid tkun kunsidrata. Hu qal li l-PN qatt ma kellu l-iskop li n-nies tapplika qabel l-elezzjoni għax ikunu mwiegħda. Hemm diversi kategoriji li jkunu qed jiffaċċjaw diversi sfidi soċjali,

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-preġudizzji għandhom jinqatgħu; kull bniedem għandu jkun mismugħ u jingħata tweġiba meta jmur l-Awtorità tad-Djar. Hu kompla li l-lista ta’ stennija tal-Awtorità tad-Djar tonqos għax qed jinqatgħu n-nies. Jeħtieġ li tkompli tissaħħaħ ir-riċerka iżda mir-riċerka l-pajjiż irid jgħaddi għall-implimentazzjoni.

Ivan Bartolo qal li ħadd m’għandu jabbuża mill-ġid tal-gvern; l-isfida taf tkun aktar minn dik li tidher. Minn stħarriġ jirriżulta li r-rata ta’ esklużjoni soċjali hi ta’ 9.2% waqt li 36% qalu li l-ambjent huma l-aktar problemi fl-akkomodazzjoni. 700 familja li tgħin f’akkomodazzjoni soċjali jgħidu li d-djar m’humiex ta’ livell aċċettabbli. 80.9% qalu li l-ispejjż tad-djar huma piż waqt li l-burokazija hi wkoll problema kbira identifikata.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PL kien wiegħed li sal-2020 se jinstallaw ħafna iktar minn 100 lift u li se jkun hemm aktar appartamenti mill-lista ta’ stennija; suppost il-lista ta’ stennija li tammonta għal 1,300 spiċċat.

Ivan Bartolo appella biex dan il-problemi jkunu solvuti minħabba d-diffikultajiet għall-anzjani u persuni b’diżabbiltà.

Ivan Bartolo qal li hemm problemi kbar fl-iskema tal-kiri u appella biex l-Awtorità tad-Djar taħseb f’dawn il-persuni li jkollhom il-problemi. Hu fakkar li l-PL kien wiegħed li se jaqta’ l-lista ta’ stennija iżda l-gvern ma wettaqx din il-wiegħda wara disa’ snin. Gvern Nazzjonalista bejn l-2008 u l-2013 kien beda l-iskema Sid ta’ Dahrek u kien indirizza l-pjaga li ħoloq il-gvern Laburista meta kien jieħu l-artijiet.

Id-deputat Nazzjonalista kkritika lill-gvern Laburista għall-iskema tal-home ownership fejn mijiet ta’ familji qatt ma ngħataw kumpens xieraq. Jeħtieġ li jgħola l-persentaġġ ta’ 80% li huma sidien ta’ darhom.

Gvern Nazzjonalista kien beda jsolvi l-problemi tal-iskemi tal-gvern Laburista biex familji jingħataw it-titlu fuq art li l-gvern Laburista kien ħadilhom. Gvern Laburista kien waqqaf il-proċess u ħalla mijit ta’ persuni imdendla fejn Gvern Laburista kien ikkonkluda biss ftehim fuq tmien plots bi spiża ta’ €500,000.

Ivan Bartolo qal li Gvern Nazzjonalista mexa b’ġustizzja dwar kif qassam il-postijiet li bena. L-Maltin huma inkwetati dwar id-djar u l-propjetà fejn kien hemm splużjoni fil-prezzijiet tal-bini.

Hu qal li l-gvern qed jilgħab biċ-ċifri dwar il-lista ta’ stennija u qal li issa l-gvern qed jgħid li għandu 1,342 fuq il-lista ta’ stennija. Is-sussidju tal-kiri mhux biżżejjed minħabba l-għoli tal-ħajja llum, sostna Ivan Bartolo.