It-Tnejn filgħodu bosta persuni nġabru fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil kantant u mużiċist iżda aktar minn hekk missier u ħabib, Godwin Lucas. Huwa miet fl-età ta’ 63 sena matul il-jum tas-Sibt, fejn diversi persuni matul il-jum ġeddew il-memorja tiegħu. Ilkoll iddiskrivew lil Godwin bħala bniedem umli u ta’ qalb tajba, dejjem bi tbissima fuq fommu lest jgħin lil ħaddieħor.
Matul l-omelija, issemma’ kif wieħed mill-isbaħ rigali li ta Alla lill-bnedmin hija l-mużika. Rigal li Alla ta lil Godwin u li uzah għall-ġid tal-oħrajn. Issemmiet waħda mill-aktar siltiet popolari ta’ Godwin, ‘Għanja lil ibni’, fejn kien spjegat li din is-silta tiddeskrivi l-ħajja tiegħu għaliex il-familja kienet importanti ħafna għalih. Godwin ħalla impatt fuq ħafna nies għaliex kien kapaċi jgħix l-umanità fejn ħafna kienu jieħdu gost fil-preżenza tiegħu, għaliex kien iħalli fuqhom tbissima. Mhux biss żviluppa t-talent tiegħu iżda nkoraġġixxa lil ħaddieħor jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Godwin Lucas, li ġej minn familja ta’ mużiċisti, daħal fix-xena tal-mużika minn eta żgħira hekk kif ta’ sittax-il sena beda jdoqq fin-nightclubs. Matul is-snin ħadem ma’ diversi mużiċisti u kompożituri Maltin , fosthom June May, Phylissienne Brincat, Paul Abela, Charles Flores u Paul Giordemaina. Huwa jibqa’ magħruf għas-silta ‘Għanja lil Ibni’ li huwa wkoll l-isem tal-ewwel album li ħareġ. Fl-1984 Godwin Lucas ħa sehem għall-ewwel darba fil-Malta Song Festival u rebaħil-premju FIDOQ bil-kanzunetta ‘Ma Rridx Ninsa’.
Fl-1987 rebaħ bosta festivals fosthom il-Malta Song Festival bil-kanzunetta ‘Int’ filwaqt li klassifika fit-tieni post fil-festival L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta ‘San Niklaw’. Fl-1995 reġa’ kiseb it-tieni post fil-Malta Song Festival bil-kanzunetta ‘Gżira ta’ Mħabba’ u ‘Jekk Tgħid Le’. Fl-2010 huwa ħa sehem fil-Malta Eurosong flimkien ma’ Eve Daly bil-kanzunetta ‘The Best Years’. Is-sena li għaddiet Godwin Lucas interpreta s-silta ‘Għanja lil Ibni’ waqt il-festival Mużika Mużika flimkien man-neputi tiegħu Mark Spiteri Lucas.
Godwin Lucas interpreta bosta kanzunetta fuq Net Television fost l-oħrajn waqt il-programm The Entertainers. Matul is-snin huwa ħa sehem ukoll fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza.






