Lokali

Aktar rekords tal-għoli tal-ħajja; l-Indiċi tal-Prezzijiet jisplodi għal 6.02%

Il-ġimgħa l-oħra ċ-ċifri tal-NSO urew livelli rekord ta’ inflazzjoni. U issa, konferma oħra. Din id-darba bl-Indiċi tal-Prezzijiet. Hija din l-aħħar minn sensiela ta’ konfermi ta’ kemm verament qed togħla l-ħajja.

Il-ġimgħa l-oħra, permezz ta’ statistika ppublikata mill-NSO, sirna nafu li sa minn Ġunju tal-2021, il-prezzijiet għolew xahar wara xahar. Mil-livell taħt il-1%, għal-livell ta’ 5.8% f’inqas minn sena. Filfatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera kif fl-aħħar 12-il xahar ir-rata tal-inflazzjoni żdiedet b’aktar minn 5 punti perċentwali. Fl-aħħar xahar biss, l-għoli tal-ħajja żdiedet b’0.4 punti perċentwali.

L-NSO kkonferma li l-aktar li qed jaffetwa din iż-żieda, li issa qed issir waħda allarmanti, huwa l-prezz tal-ikel u x-xorb non-alkoholiku. Fi kliem semplici, l-aktar oġġetti bażiċi huma l-aktar affarijiet li qed jitfgħu piż fuq il-familji. Dwar dan, matul il-jum tat-Tlieta, staqsejna lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jgħidilna x’qed jagħmel il-Gvern fid-dawl tal-fatt li l-inflazzjoni laħqet iċ-ċifra allarmanti ta’ 5.8%. Fir-risposta tiegħu, Robert Abela qal li jifhem kif l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni qed “toqros” u ammetta li hija realtà li qed iħossu n-nies, u stqarr li xi ħaġa li tinkwetah.

Ix-xejra li toħroġ mill-istatistika ppubblikata mill-NSO hija waħda li titlob azzjoni, illum qabel għada, u kien għalhekk li fl-aħħar jiem issoktaw is-sejħiet biex il-Gvern jindirizza din il-problema li aktar ma jmur aktar qed tkompli tigrava.

Fuq fomm kulħadd, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, li anke meta, f’Ottubru li għadda, l-inflazzjoni kienet diġa bdiet tisplodi, dakinhar il-Maltin ingħataw €1.75. Għal ħafna nies, din ma kienetx biżżejed. U issa qed jisperaw li l-għajnuna tkun ferm differenti. U filwaqt li l-Gvern għadu għaddej bid-diskussjonijiet, l-NSO ippublikat data oħra. Din id-darba li turi kif l-indiċi tal-preżżijiet issa żdied b’aktar minn 6%.

Dan l-indiċi kien inqas minn 0.25 % fi Frar tal-2021. Sena u erba’ xhur wara, sploda għal 6.02%. Fis-sena 2022 biss tela b’madwar 4 punti percentwali. L-aħħar statistika tal-NSO terġa’ tikkonferma kif l-iktar li qed jgħola fil-prezz huwa l-ikel, l-aktar dak bażiku, xejra li mistennija tkompli tippresisti hekk kif aktar ma jmur aktar qed joħorġu aħbarijiet ta’ prodotti li se jkun impossibbli li prezzhom ma jiżdiedx.