Futbol Sport

Andrei Agius jiffirma għal sena oħra maċ-champions Hibernians

(Ritratt: Trevor Sollars)

Id-difensur Andrei Agius, li għandu 35 sena, estenda l-kuntratt tiegħu ma’ Hibernians FC, b’kuntratt ġdid sa tmiem l-istaġun li ġej. Agius ilu jilgħab ma’ Hibernians FC għal tmien staġuni konsekuttivi, sa mill-2014, meta rritorna f’pajjiżna wara diversi esperjenzi ta’ suċċess fis-Serbja u l-Italja fejn kien ilu jilgħab sa minn eta’ żgħira.

L-esperjenza ta’ Agius mal-klabb ta’ Raħal Ġdid kienet waħda mill-iktar pożittivi, fejn mhux biss kiseb post fiss fid-difiża tal-klabb iżda wkoll rebaħ diversi unuri fosthom tliet Kampjonati Premier u s-Super Cup. Fuq livell personali, kien inkluż fl-iskwadra tas-sena mill-MFPA kif ukoll rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena. Waqt li hu maħsub li Agius jista’ jirtira fi tmiem dan l-istaġun, hu qed jikseb dejjem iktar irwoli importanti fl-istaff tekniku tal-klabb, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-akkademja kif ukoll l-iskwadra tan-nisa.