Għawdex Lokali Turiżmu

Clayton Bartolo għandu kunflitt t’interess?

Il-Ministri tat-Turiżmu, Clayton Bartolo ċaħad li għandu kunflitt ta’ interess fi kwistjoni ġdida li inqalat dwar Kemmuna u servizzi tal-laneċ minn u lejn din il-gżira. Clayton Bartolo kien mistoqsi dwar dak li hu meqjus potenzjalment kunflitt hekk kif il-familja tiegħu tmexxi servizz tal-laneċ.

Il-Ministru tat-Turiżmu, li ħada drawwa jidħol f’numru ta’ kontroversji, kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar Kemmuna hekk kif bħalissa għaddejjin taħdidiet dwar il-kontroll tal-kummerċjalizzazzjoni eċċessiva tal-Gżira, b’mod partikolari fl-akwati ta’ Blue Lagoon.

Nhar il-Ġimgħa, The Shift News żvelat li missier u z-zijiet ta’ Bartolo huma s-sidien ta’ kumpanija li topera vjaġġi bil-lanċa ta’ kuljum lejn Kemmuna. It-Tnejn, imbagħad, l-istess sit irrapporta li wieħed miż-żewġ operaturi tad-deckchair, Mark Cutajar, serva bħala ‘canvasser’ għall-Ministru t’Għawdex Clint Camilleri matul il-kampanja elettorali li għadha kemm għaddiet.

Il-policies dwar Kemmuna huma fi-kontroll ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri u t-Tnejn waranofsinhar,  f’kummenti lit-Times of Malta, Camilleri, bħal Bartolo ukoll ċaħad kull kunflitt ta’ interess.

Il-kwistjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni żejda f’Kemmuna ilha għaddejja s-snin, u laħqet il-qofol tagħha f’azzjoni diretta aktar kmieni dan ix-xahar, meta grupp ta’ attivisti minn Moviment Graffitti niżlu fil-gżira u neħħew id-deckchairs u l-umbrelel bi protesta.

Minkejja li wara din il-protesta, il-Ministru tat-Turiżmu ċeda għall-pressjoni u qal li se jħalli biss deckchairs fuq il-blat u mhux fuq ir-ramel, Graffitti qed ikomplu jitolbu aktar azzjoni mill-awtoritajiet. Dan l-iktar minħabba l-fatt li qed ikun permess li mijiet ta’ persuni jiffrekwentaw Kemmuna fl-istess ħin. Dan meta laneċ ta’ kull daqs iħottu mijiet ta’ persuni f’daqqa f’kull ħin tal-ġurnata.