Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża fuq frodi, qliegħ b’qerq u li ma ħallasx taxxa

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex raġel ta’ 35 sena minn Birkirkara jitqiegħed taħt att ta’ akkuża fuq allegati reati ta’ ħasil ta’ flus, frodi, u li għamel qliegħ b’qerq ta’ aktar minn €5,000 għad-dannu tad-dipartiment tas-servizzi soċjali u li fuq perjodu ta’ tmien snin ma ħallasx taxxa.

Daniel Briffa kien tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni u fit-tieni dehera tal-kumpilazzjoni l-Qorti ddikjarat li hemm prima facie fil-konfront tiegħu. Huwa qed jiġi mixli b’diversi reati li allegatament seħħew bejn Novembru tal-2021 u fix-xhur u s-snin ta’ qabel.

Il-Pulizija kienet għamlet tfittxija fuq l-akkużat u hemm sabiltlu pistola antika, aktar tfittxijiet fuqu irriżultaw li kellu ammont sostanzjali ta’ deheb. Permezz tal-avukat tiegħu David Gatt, l-akkużat qed jikkontendi li huwa dilettant kbir tad-deheb, u li ilu jixtri minn mindu kien għadu tifel.

Huwa qed jiddeffendi l-każ tiegħu billi qed jgħid li ilu 20 sena jixtri d-deheb u li jixtrih ftit ftit għaliex huwa ffissat fuq id-deheb. Briffa jaħdem f’pastizzeria u anke bħala bouncer u li fl-2008 kellu każ fejn kien agredixxa b’mus  lil ċertu Nizar El Gadi, il-Libjan li qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li qatel lil eks martu, l-avukat Margaret Mifsud fl-2012.

Briffa qed jiġi mixli li għamel atti ta’ ħasil ta’ flus , li pparteċipa f’attività kriminali, ħeba u akkwista propjetà li ġejja minn attivita kriminali, li għamel qligħ b’qerq b’użu ta’ ismijiet foloz għad-dannu tad-dipartiment tas-servizzi soċjali, ta’ aktar minn €5,000.

Qed jiġi mixli wkoll li għamel dikjarazzjoni falza biex jikseb benefiċċju għalih, li wettaq frodi billi naqas li jirraporta każ fejn kellu jirċievi xi ħlas mhux dovut, li għamel dikjarazzjoni falza, pusses ta’ arma tan-nar, li huwa revolver bla liċenzja u li naqas milli jinforma lill-Kummissarju tal-Pulizija dwaru.

Huwa qed jiġi mixli li naqas milli jiddikjara d-dħul taxxabbli tiegħu bejn 2013 sa l-2020, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja tal-kummissarju tal-Pulizija u li sar riċediv, Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Alfredo Mangion u Ian Camilleri.

Il-kumpilazzjono se tkompli tinstema’ fid-29 ta’ Lulju li ġej fejn l-Avukat difensur David Gatt mistenni jtella’ aktar xhieda. Fl-aħħar seduta minbarra li ħareġ li l-akkużat kien jahdem diversi jobs, u issa huwa ‘part timer’ ma’ Maxims Junior Pastizzeria, huwa wkoll reġistrat ma’ Jobsplus. Ħareġ ukoll li minn meta kellu 13- il sena kien iffissat fid-deheb u bil mod il mod xtara deheb u li jilbsu, inkluż li għandu wkoll żewġ sinniet tad deheb. 

Bħala provi xhedu dentist, u tnejn li jibiegħu d-deheb jewellers, Michael Mizzi u Lewis Jewellery ta’ St Venera fejn ikkonfermaw li mingħandhom ilu madwar 15 il-sena jixtri ftit ftit id-deheb minn ghandhom. Xhed wkoll Tarcisio Scicluna Direttur Tax Complaince Unit.  Ħareġ ukoll li sabulu biss illegali revolver antik ħafna meta fittxew fid-dar tiegħu.