Chef ta’ 26 sena minn Ħal Qormi ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li fil-lejl ta; bejn is-6 u s-7 ta’ Ġunju li għadda kkommetta serq ta’ flus kontanti mir-restorant fejn huwa kien jaħdem. Llewwlyn Xerri wieġeb mhux ħati li mir-restorant Grana li jinsab il-Gżira seraq madwar €1,200.
L-Ispettur Jonathan Ransley li ressaq lil Xerri qal li l-akkużat inqabad minn fuq cameras tas-CCTV u wara li kien interrogat mill-Pulizija huwa kkopera mal-Pulizija. Huwa ġie mixli wkoll li kiser ordni tal-Qorti b’sentenza mogħtija fis-26 ta’ Mejju li għadda, bil-Qorti tintalab li tqiesu bħala persuna reċidiva.
L-Avukat Ishamel Psaila għamel talba għall-pleġġ anke fid-dawl tal-fatt li l-akkużat qed jistenna li jibda programm kontra d-droga, bl-Ispettur Ransley ma jopponiex fejn qal li t-tfajla tiegħu tkellmet miegħu wkoll fuq dan il-punt u qal li mhux se jkun hu li jtellfu minn dan iċ-ċans.
Madankollu Ransley talab lill-Qorti biex bħala kundizzjonijiet l-imputat għandu jiġi ordnat jiffirma darbtejn kuljum u wara x-xogħol jibqa’ sejjer id-dar. Dan għaliex it-tfajla tiegħu qed tipprova wkoll issalva s-sitwazzjoni li għaddej minnha. Dan l-argument ma sabx oġġezzjoni minn naħa tad-difiża.
Il-Qorti qablet u odrnat li Xerri biex jiffirma darbtejn kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi bejn it-8.00am u d-9.00pm u dan anke fid-dawl li huwa qed jaħdem bejn l-10.00am u l-5.00pm. Kien ordnat ukoll li jirtira d-dar fl-10.00pm u ma joħroġx qabel is-07.00am. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €4,000.
//= $special ?>

