Lokali Qorti

Eġizzjan illiberat li daħħal Malta tmien immigranti illegalment

Eġizzjan ta’ 35 sena ma nstabx ħati li daħħal Malta tmien persuni b’mod illegali. Huwa nħeles mill-akkużi peress li l-Uffiċċju tal-Prinċipal Ewlieni tal-Immigrazzjoni ma jistax jakkuża nies b’reati fil-Qorti, xi ħaġa li diġa stqarrita l-Qorti tal-Appell Kriminali.

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, iddikjarat li l-proċeduri nulli u għalhekk illiberat lil Mohamed Ali Mohamed Shakshuk. Il-Qorti għaldaqstant għamlitha ċara li s-sentenza hija dovuta għal teknikalità serja u mhux minħabba xi nuqqas fil-provi mressqa.

Huwa ma nstabx ħati li fi Frar tal-2021 għen numru ta’ immigranti jidħlu f’Malta mingħajr permezz. L-Ispettur Karl Roberts, Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, qal li fid-19 ta’ Frar, 2021, għall-ħabta tat-8pm, il-Pulizija rċeviet telefonata li kien hemm xi immigranti fit-triq ta’ bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi. Meta l-Pulizija marret fuq il-post sabu sitt immigranti bilqiegħda fuq ċint. Fi tfittxija fl-inħawi nstabu żewġ immigranti oħra.

Fi spezzjoni oħra li saret il-ġurnata ta’ wara nstabet dgħajsa tal-fibre inkaljata fin-naħa ta’ Ras Ħamrija, taħt l-Imnajdra. Kompla jgħid fil-Qorti li mill-investigazzjoni li saret sar magħruf li t-tmien immigranti kienu fuqha u magħhom kien hemm tnejn oħra li nstabu separatament. Qal li l-aħħar tnejn kienu x-xufiera tad-dgħajsa.

Xehed Ahmed Abdul Fatah u qal li kien fuq id-dgħajsa flimkien ma’ seba’ persuni oħra flimkien mal-akkużat u ieħor Ahmed li kienu qed isuqu d-dgħajsa. Tenna li kienu waslu Malta għall-ħabta tas-2.30pm iżda għamlu ħafna ħin jistkennu taħt blata kbira sakemm telgħu fuq ix-xatt għal xid-9pm. Saħaq li l-pjan kien li jmorru lejn l-Italja.

Kompla jixhed li ltaqa’ l-ewwel darba ma’ Mohamed Shakshu fuq id-dgħajsa u li f’nofs ta’ baħar qalilhom li jekk iservi l-fjuwil imorru l-Italja jekk le jieqfu Malta. Qal ukoll li ħallas 10,000 dinar Libjan lill-persuni li organizzaw il-vjaġġ iżda ma ħallas xejn l-imputat. Qal li malli waslu Malta l-imputat rema l-GPS fil-baħar.

L-akkużat qal li hu kien wieħed mill-passiġġiera u li ħallas lil wieħed Asem sabiex jitlaq mil-Libja bid-dgħajsa u li dan qallu biex fuq id-dgħajsa jgħinu lil xulxin u għalhekk qabad u saq. Il-Qorti osservat li mill-provi mressqa m’hemmx dubju li l-imputat għen lill-persuni sabiex jidħlu Malta b’mod illegali.

Il-Qorti nnotat ukoll li ftit wara li bdew il-proċeduri, l-Qorti tal-Appell Kriminali kienet iddikjarat każ ieħor null u lliberat l-imputati għax l-Uffiċjal Prinċiplai tal-Immigrazzjoni m’għandu l-ebda awtorità biex iressaq nies quddiem il-Qorti. Minkejja li l-Qorti Kriminali mhux marbuta ma’ sentenzi preċedenti, il-Qorti dejjem tara li s-sentenzi jkunu jirriflettu l-istess pożizzjoni.

Għaldaqstant, minħabba li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karl Roberts f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija fl-irwol tiegħu ta’ Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, il-Qorti, iddikjarat il-proċeduri nulli u lliberat lill-imputat.