Lokali Saħħa

Fearne jibqa’ jinjora lill-infermieri u l-qwiebel

“Il-Professjoni tal-infermieri kontinwament qed tiġi mhedda ....u mhux ningħataw għajnuna”

Madwar 4,000 infermier kemm dawk li jaħdmu fil-kura tas-saħħa u dawk li jaħdmu fid-djar tal-anzjani, bħalissa qed jilbsu flokkijiet suwed bħala sinjal ta’ luttu wara li l-Union tagħhom, l-MUMN, tressqet il-Qorti fuq direttivi biex jindirizzaw in-nuqqas kbir ta’ persuni u infermieri li jaħdmu f’dan is-settur.

F’kummenti li ta lil Net News il-President tal-MUMN Paul Pace stqarr illi huma minflok sabu l-għajnuna mill-Ministeru tas-Saħħa biex jindirizza n-nuqqas ta’ infermieri, ħadu daqqa ta’ ħarta b’kawża fil-Qorti.

Il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet imblokkat provviżorjament lill-Union tal-infermiera milli tkompli bl-azzjoni industrijali fis-servizz tas-saħħa kollu ….wara li laqgħet applikazzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-Imħallef Ian Spiteri Bailey laqa’ t-talba għal mandat ta’ inibizzjoni mressqa mill-ministeru tas-saħħa u ordna lill-Union biex twaqqaf l-azzjoni tagħha sakemm jinstema’ l-każ fis-27 ta’ Ġunju li ġej.

Il-Union issospendiet l-azzjoni iżda qalet lill-infermieri biex jilbsu l-iswed minflok l-uniformi biex jibku l-professjoni tagħhom u bħala sinjal ta’ protesta għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet.