Internazzjonali

Franza: Macron ‘iddisprat’ biex iħoll l-istaġnar tal-Gvern….Ma jaċċettax ir-riżenja tal-Prim Ministru

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ma aċċettax l-offerta ta’ riżenja mingħand il-Prim Ministru tiegħu, Elisabeth Borne, li l-istess Macron  kien ħatarha fil-kariga, ftit tal-jiem ilu. Intant, Macron –li qed jiffaċċja kriżi politika sostanzjali – qed jipprova jsalva l-Gvern tiegħu wara li tilef il-maġġoranza fil-vot tal-Ħadd għall-Assemblea Nazzjonali u meta issa qed jgħid li l-Gvern tiegħu jeħtieġ isib il-mezzi biex jieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn fl-interessi tal-pajjiż.

Elisabeth Borne kienet ikkritikata minn xi kummentaturi wara li l-koalizzjoni ta’ Macron ma kisbitx ir-riżultati li xtaqet fl-elezzjoni tal-Ħadd. Il-futur tagħha bħala Prim Ministru kien qed jidher taħt theddida wara d-disfatta għall-koalizzjoni taċ-ċentru ta’ Macron u meta l-President Franċiż, illum, jeħtieġ l-appoġġ tal-partiti rivali biex ikun jista’ jgħaddi l-leġislazzjoni.

Sadanittant, Emmanuel Macron qed iħejji biex jiltaqa’ mal-avversarji politiċi għal taħditiet rari. Dan meta l-Partit estremista tar-Rally Nazzjonali mmexxi minn Marine Le Pen u l-Alleanza tax-xellug u l-ħodor ta’ Jean-Luc Melenchon it-tnejn mhumiex ħerqanin li jaħdmu mal-Gvern ċentrali ta’ Macron.

Is-sitwazzjoni hi kważi mingħajr preċedent wara li l-Gvern Franċiż naqas mill-maġġoranza fl-Assemblea b’xejn anqas minn 44 siġġu u meta issa qed jagħmel li jista’ biex jevita paraliżi politika.

Fl-aħħar sigħat, il-Palazz ta’ Elysee f’Pariġi żvela li Elisabeth Borne offriet, formalment, ir-riżenja permezz ta’ ittra lill-President Macron – b’talaħħar jirrifjutaha bil-ħsieb li jevita aktar kumplikazzjonijiet għall-Gvern. Macron, issa, qed ifittex is-soluzzjonijiet kostruttivi li kapaċi jħollu l-istaġnar politiku li qed jhedded lill-aġenda tiegħu waqt it-tieni mandat tal-Presidenza.

Intant, l-analisti jemmnu li kollox għad jista’ iseħħ u  mhux eskluż li Franza, ‘il quddiem, ikollha  xorta Gvern ġdid mingħajr Elisabeth Borne bħala Prim Ministru.

Is-sensiela ta’ taħditiet fl-Elysee bejn ir-rappreżentanti tal-partiti Franċiżi mistennija jkomplu anki matul il-ġimgħa, bl-analisti jemmnu li Macron jista’ qed jaħseb biex jissieħeb fi ftehim mar-Repubblika tal-lemin li f’dawn it-taħditiet qed ikun irrappreżentat mill-Kap tagħhom, Christian Jacob.

Madankollu, il-prospetti ma jidhrux tajbin peress li Jacob, waqt intervista, qal li Emmanuel Macron ilu żmien imexxi pajjiżu b’sens ta’ arroganza u meta hu biss issa — wara d-disfatta fil-vot għall-Assemblea – li l-President qiegħed isejjaħ għall-għajnuna.