Futbol Sport

Ryan Giggs jirriżenja minn kowċ ta’ Wales

(Ritratt: EPA)

Wara li issa ilu nieqes mit-tmexxija tat-tim Nazzjonali ta’ Wales sa minn Novembru tal-2020, l-eks plejer ta’ Manchester United Ryan Giggs irriżenja uffiċċjalment mill-kariga tiegħu b’effett immedjat.

Fl-2020 Giggs kien arrestat wara li ġie mixli li aggredixxa lis-seħba tiegħu Kate Glanville fid-dar tiegħu f’Manchester kif ukoll li hebb għal oħta Emma Glanville. Giggs ċaħad dawn l-akkużi u wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Is-seduta li jmiss kellha tistema f’Jannar li għadda iżda kienet postposta għal Awwissu li ġej u għalhekk Giggs iddeċieda li sabiex it-tim Nazzjonali jkollu preparazzjoni tajba u serena qabel it-Tazza tad-Dinja tal-Qatar, kienet l-aħjar deċiżjoni li jirriżenja u jħalli f’idejn Robert Page.

Page, eks captain tat-tim Nazzjonali ta’ Wales, kien ilu assistent ta’ Giggs sa minn meta sar kowċ ta’ Wales fl-2017 u f’Novembru tal-2020 ħa l-iskwadra f’idu wara l-arrest ta’ Giggs fejn b’suċċess wassal lil Wales biex jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja 2022 fil-Qatar wara nuqqas ta’ 64 sena.

Robert Page huwa l-kowċ attwali ta’ Wales (Ritratt: EPA)