Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Tiħrax is-sitwazzjoni tar-Russja mal-Litwanja…bit-theddid minn Moska ma jonqosx

L-indikazzjonijiet huma li – minbarra l-gwerra li qed tiġġieled fl-Ukrajna – ir-Russja tista’ qed taħseb ukoll biex tieħu azzjoni fil-konfront tal-Litwanja, li hi membru tal-Unjoni Ewropea u daqstant ieħor tal-Alleanza tan-NATO.

Is-sitwazzjoni  qed tidher delikata wara li l-awtoritajiet f’Vilnius ma ppermettewx it-trasferiment ta’ materjal u prodotti oħra lejn it-territorju ta’ Kaliningrad li hu amministrat mir-Russi.

Kelliema għall-Gvern f’Moska, fl-aħħar sigħat, ma ħallewx dubji li r-Russja għandha twieġeb għal dan l-hekk imsejjaħ att ostili waqt li l-Litwanja qalet li qed issegwi d-direttivi tal-Unjoni Ewropea li huma relatati mas-sanzjonijiet attwali fuq ir-Russja. …Sanzjonijiet li kienu imposti minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi u li issa kważi għalqet erba’ xhur.

Iz-zona ta’ Kaliningrad hi reġjun strateġiku li jinkludi fih il-bażi tal-Flotta Russa fir-reġjun Baltiku.  Intant, it-territorju mgħandu l-ebda fruntiera mar-Russja u kien jifforma parti mill-Ġermanja qabel, fl-1945, beda jitmexxa mill-eks Unjoni Sovjetika li kienet tinkludi fiha r-Russja…. Sitwazzjoni li ma nbidlitx minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn.

Intant, Kaliningrad qed jaqsam fruntiera mal-Litwanja u l-Polonja – it-tnejn membri tan-NATO – u jiddependi ħafna fuq it-trasport tal-art mil-Litwanja biex jaslulu l-prodotti li għandu bżonn.

Ir-Russja, issa, qalet li din is-sitwazzjoni qed isseħħ b’kaġun tal-Punent’, b’Moska qed tixli lill-istess Punent dwar ksur tal-liġi internazzjonali. Il-kelliema Russi qalu wkoll li jridu jittieħdu l-miżuri xierqa fil-futur qarib u li se jħallu impatt negattiv għall-poplu tal-Litwanjana.

L-awtoritajiet fil-Litwanja, il-ġimgħa l-oħra, kienu ħabbru li kellhom iwaqqfu t-trasport ta’ prodotti li huma suġġetti għas-sanzjonijiet tal-UE milli jgħaddu mit-territorji tagħhom lejn id-direzzjoni ta’ Kaliningrad.

Il-Ministru Litwan għall-Affarijiet Barranin, Gabrielius Landsbergis, qal li dan qed isir skont is-sanzjonijiet mill-Ewropa u b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea.

Il-lista tas-sanzjoniiet mill-Unjoni Ewropea għar-Russja tinkludi l-faħam, il-metall, il-materjal għall-kostruzzjoni u tagħmir teknoloġiku avvanzat.

Il-Gvernatur tar-Russja għar-Reġjun ta’ Kalininbgrad, Anton Alikhanov, qal, sadanittant, li din il-projbizzjoni mil-Litwanja qed tkopri xi 50 fil-mija tal-oġġetti u materjal impurtat fit-territorju. Sadanittant, il-Litwanja – bħala membru tal-Alleanza tan-NATO – qed tkun protetta kontra xi attakk minn diversi trattati għal difiża kollettiva u li ffirmaw għalihom l-Istati membri kollha tal-Alleanza.