Lokali

Il-GWU tordna strajk għall-uffiċjali tal-LESA

Il-Ministru Byron Camilleri jitfa’ ‘l barra lill-membri tal-GWU

“Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk, il-Ministru Byron Camilleri qed jgħaddina bi żmien”.

Din hija s-sensazzjoni ġenerali qalb l-uffiċjali tal-LESA hekk kif ilhom jappellaw għal paga aħjar għal xhur sħaħ, bil-General Workers Union tappella sabiex l-ftehim kollettiv attwali mal-aġenzija LESA jkun aġġornat.

Fi stqarrija indirizzata lill-ħaddiema, l-GWU saħqet li dan il-ftehim kollettiv ilu għal aktar minn sena u nofs li skada u wara xhur sħaħ jipprovaw jaslu għal qbil mal-Gvern b’mod paċifiku madwar il-medja…”sfortunatament ma wasalnix għal qbil dwar pakkett finanzjarju”.

Għaldaqstant mit-Tnejn 20 ta’ Ġunju, l-union spiċċat tirrikorri għal azzjonijiet industrijali fejn bħala protesta l-uffiċjali ġew ordnati fost oħrajn li jirrapportaw għax-xogħol pajżana b’forma ta’ identifikazzjoni u ma jagħmlux xogħol ta’ traffic management.

Kelliema li tkellmu ma’ Net News spjegaw li madanakollu, mingħajr uniformi, l-uffiċjali tal-LESA ma jistgħux iħarku għajr fost oħrajn meta l-iskart jinħareġ fil-jum il-ħażin.

Fl-istqarrija l-GWU insistiet li ħadd m’għandu jkun mhedded jew intimidat u li jekk jseħħ hekk għandu jinforma lill-Union minnufih.

Intant matul il-jum tal-lum Net News huwa infurmat li rappreżentanti tal-union marru jiltaqgħu mal-Ministru Byron Camilleri, madanakollu allegatament dan tal-aħħar qalilhom sabiex joħorġu ‘l barra u insista li ma jinteressahx dak li kellhom jgħidu.

Għaldaqstant sorsi ta’ min jorbot fuqhom spjegaw li mhux qed jiġi eskluż li d-direttivi jkomplu jeskalaw fil-jiem li ġejjin fost oħrajn li jiġi introdott strajk fil-control room tal-LESA u anke fis-settur magħruf bħala tal-collisions.