Għawdex Lokali Turiżmu

IL-KONTROVERSJA TA’ KEMMUNA: Robert Abela jgħid li m’hemmx kunflitt t’interess

U wara li l-media indipendenti kixfet il-manuvri tal-Ministru Clayton Bartolo u l-Ministru Clint Camilleri f’Kemmuna, il-Prim Ministru innifsu ġareg jiddefendi u stqarr illi skont hu, ma jara li hemm ebda kunflitt ta’ interess.

Waqt il-konferenza tal-ahbarijiet illi saret it-Tlieta f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħareġ għonqu għal sħabu Clayton Bartolo u Clint Camilleri.

Dan fl-istess waqt li huma ħafna dawk li qed jgħidu li minħabba li l-familja ta’ Clayton Bartolo topera servizz ta’ laneċ bejn Malta u Kemmuna, u minħabba li ‘canvaser’ ta’ Clint Camilleri jopera wieħed min-negozji tad-deckchairs f’Kemmuna – hemm kunflitt ċar ta’ interess.

Iżda l-Prim Ministru mhux tal-istess idea u dan kompla joħroġ biċ-ċar waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha Robert Abela kien mistoqsi għal darba darbtejn dwar din il-kontroversja ta’ Kemmuna.

Il-Ministru t’Għawdex u l-Ministru tat-Turiżmu huma żewġ persuni li Robert Abela poġġihom Ministri wara li tawh is-sapport tagħhom biex hu sar Mexxej tal-Labour.