Sport Sport Ieħor

Il-Kumitat Olimpiku Malti jħabbar il-kontiġent kollu għall-Logħob tal-Mediterran

Francesca Curmi u Marlon Attard ħa jerfgħu il-bandiera Malta fiċ-ċerimonja tal-ftuħ

Il-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar il-kontinġent li se jkun qed jivvjaġġa lejn l-Alġerija din il-ġimgħa għad-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Mediterran li se jsir f’Oran.

Malta se tkun qed tingħaqad ma’ 25 pajjiz ieħor li se jkunu rappreżentati minn kważi 3,400 atleta.

Malta se tkun qed tikkompeti fl-Atletika, Ċikliżmu, Sailing, Shooting, u Tennis u se tkun rappreżentata minn tlieta u għoxrin atleta.

Id-Direttur tal-Isport Charlene Attard spjegat il-kriterji tal-għażla stabbiliti għall-edizzjoni ta’ din is-sena. Din hija t-tieni darba li l-Logħob tal-Mediterran u l-Logħob tal-Commonwealth qed isiru fl-istess sena. Id-distakk ta’ tliet ġimgħat u nofs bejniethom huwa dovut għall-kalendarju tal-isports dinji mimli, li qed jipprova jpatti għaż-żmien mitluf minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Fid-dawl tal-livell għoli ta’ kompetizzjoni li joffru dawn il-Logħob, l-atleti ntgħażlu wara diskussjonijiet mal-kowċis biex jiġi żgurat li l-atleti jilħqu l-quċċata tagħhom fil-Logħob. Kien hemm tliet livelli differenti ta’ kriterji għall-għażla li kienu jeħtieġu li l-atleti jiġu kklassifikati fl-Aqwa Tmienja tal-avveniment tagħhom; li jkunu Junior Athletes immarkati għal kompetizzjoni ta’ livell għoli għat-tliet snin li ġejjin; u atleti allokati għall-GSSE 2023. Dan tal-aħħar huwa partikolarment importanti peress li l-MOC qed jaħdem biex it-Team Malta jkollu esperjenza ta’kompetizzjoni internazzjonali wara waqfa ta’ sentejn. Il-kriterji tal-għażla ġew stabbiliti wara diskussjonijiet bejn il-KOM u kull Federazzjoni parteċipanti biex jiġi żgurat li t-Team Malta jkun jista’ jagħti l-aħjar prestazzjoni possibbli.

Ix-Chef de Mission Johanna Grech spjegat il-programm tal-avvenimenti, u tat id-dettalji tal-loġistika għat-tim. Filwaqt li l-programm aktarx ikollu xi tibdiliet minuri fil-jiem li ġejjin, Grech ikkonfermat li l-ewwel atleti li jikkompetu se jkunu t-timijiet tat-Tennis u l-Ibburdjar fis-27 ta’ Ġunju.

Fi tmiem il-konferenza stampa is-Segretarju Ġenerali tal-KOM Kevin Azzopardi feraħ lill-atleti għall-għażla tagħhom u enfasizza s-sinifikat ta’ xi jfisser li tilbes il-kuluri Maltin.