Lokali Parlament

Il-Kummissarju tal-Pulizija mhux se jixhed dwar l-Electrogas; il-Gvern jibqa’ jopponi u jivvota kontra

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa mhux se jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fuq l-Electrogas wara li l-erba’ membri tal-Gvern ivvotaw kontra li dan jixhed.

Il-PAC llum beda jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-faqar, suġġett magħżul mill-gvern kif ukoll ir-ruling tal-Ispeaker dwar ix-xhieda ta-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa fl-investigazzjoni dwar il-power station tal-Electrogas.

Għall-gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Glenn Bedingfield u Alex Muscat. Għall-Oppożizzjoni pparteċipaw il-President Darren Carabott, Graham Bencini, Ivan Bartolo u Robert Cutajar.

Fir-ruling l-Ispeaker appella biex ikun il-Kumitat innifsu li jiddeċiedi dwar ix-xhieda, fosthom il-Kummissarju. Il-Gvern qed jopponi li l-Kummissarju jixhed.

Il-President Darren Carabott ippreżenta żewġ listi ta’ xhieda li tressqu fl-2013 fejn kemm fil-lista tax-xhieda tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista kien hemm indikat l-ex Kummissarju John Rizzo, li ttella’ jixhed. Fil-lista tax-xhieda tal-gvern Labruista kien hemm John Rizzo, Angelo Gafa u t-tim investigattiv tal-Korp tal-Pulizija.

Hu qal li dakinhar ma kienx hemm oġġezzjoni għal dawn ix-xhieda u kompla l filf-att dan ix-xhieda xehdu. Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni llum mhix li tidol fil-mertu tal-investigazzjonijiet, jekk hemm investigazzjonijiet. L-Oppożizzjoni trid tistaqsi jekk il-Pulizija ħassitx il-bżonn li tibda investigazzjoni dwar l-Electrogas. Għaliex qed isservu ta’ avukati tal-Kummissarju? staqsa Darren Carabott.

L-Whip Laburista Andu Ellul qal li dan hu kumitat ġdid b’membri ġodda u għalhekk il-pożizzjoni hi li tibqa’ toġġezzjona għax-xhieda tal-Kummissarju.

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li l-Kumitat għandu jirrispetta l-ispirtu tar-ruling tal-Ispeaker biex il-ħidma ta’ dan il-Kumitat ma jkunx preġudikat.

Id-deputat Nazzjonllista Robert Cutajar qal li l-Kummissarju hu intellġenti biżżejjed biex ma jiżvelax informazzjoni; hu suspettuż li l-membri tal-gvern ma jridux li jixhed il-Kummissarju tal-Pulizija.

Darren Carabott qal li fil-passat qatt ma kien hemm voti fuq ix-xhieda u qal li fil-lista tal-Oppożizzjoni hemm il-Kummissarju tal-Pulizija. Il-membri tal-gvern talbu vot fuq ix-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-vot kien ta’ eba’ deputati Laburisti kontra li jitla’ l-Kummissarju tal-Pulizija u tliet deputati Nazzjonalisti favur li jitla’ l-Kummissarju.

Dwar ir-rapport fuq il-faqar, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara qal li fl-2015 il-membri tan-Nazzjonijiet Uniti approvat 17-il mira ta’ sostenibbiltà fosthom il-faqar. Is-Segretarju Ġenerali stabilixxa li fl-2021 kien hemm żieda fil-faqar estrem minħabba l-COVID madwar id-dinja. Hu spjega li l-effetti tal-COVID fuq dan l-istudju ma kinux inklużi.

L-uffiċjal mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) Keith Mercieca qal li f’Malta m’hawnx faqar assolut u spjega li Malta ma tiġborx informazzjoni dwar il-faqar relattiv. Hu qal li sar progress f’ċertu aspetti fil-ġlieda kontra l-faqar partikolarment fil-faqar viċin dak assolut. Il-pajjiż mar lura fil-faqar relattiv b’żieda minn 61,000 għal 79,000; liema ma tistax torbotha maż-żieda tal-popoluazzjoni. L-għaqdiet volontarji jsostnu li r-raġunijiet huma l-ispejjeż u l-mod kif jitqassam il-ġid.

Keith Mercieca qal jista’ jkun hemm aspetti oħra ta’ faqar li m’humiex jinqabdu. Dwar l-isforzi tal-Gvern, hu qal li dan irid ikun innotat f’diversi setturi iżda fadal iktar x’isir. In-nisa, ċertu reġjuni ta’ Malta, familji b’ġenitur wieħed u l-anzjani huma l-aktar kategoriji esposti għall-faqar. Fil-livell strateġiku hemm kollaborazzjoni tajba ħafna iżda hemm inqas kollaborazzjoni fil-livell ta’ servizzi.

Keith Mercieca qal li qed isiru sforzi għal iktar konusltazzjoni iżda hemm loka li issir iktar konsultazzjoni fi stadju bikri, ma’ min issir il-konsultazzjoni u kif din issir.

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-istatitika mhix taqbad il-faqar assolut u staqsa kif il-pajjiż se jirnexxielu jaqbad lil dawn in-nies. Hu sostna li dawn huma numru kbir ta’ persuni u żied li n-nuqqas ta’ kordinazzjoni turi li l-persuni li qed jinqdew huma biss dawk li l-gvern jafhom. Dan hu aspett li ħareġ fir-rapport, sostna d-deputat Nazzjonalista, li semma’ wkoll il-burokrazija u l-lista ta’ stennija fl-Awtorità tad-Djar.

Keith Mercieca qal li l-problema hi kumplessa u ma tissolviex billi jingħataw l-oġġetti materjali lin-nies; jeħtieġ proċess fit-tul.

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini staqsa dwar il-faqar relattiv u dwar iż-żieda fil-faqar fejn Keith Mercieca qal li l-qafas relattiv hu bbażat fuq min jaqla’ €8,868.

Jirriżulta li dawn li huma f’nuqqasijiet materjali fl-2008, li jammontaw għal 54,700; 13.7% tal-popolazzjoni. Dan l-ammont tela’ għal 15.9% u niżel għal 8.7% fl-2018. Fil-kategorija tal-faqar ġenerali l-istatistika turi li dan kien fil-livell ta’ 20% tal-popolazzjoni fl-2008; total ta’ 79,000. Dan il-persentaġġ fl-2019 ammonta għal 19% waqt li fl-2015 ammonta għal 15%.

Il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa x’qed ikun rakkomandat fil-kuntest tal-persuni li ma jinqabdux mill-istatistika partikolarment fil-kuntest tal-lista ta’ stennija għad-djar.

Il-Kumitat aġġorna għat-28 ta’ Ġunju fejn se jinstemgħu l-ewwel xhieda dwar l-Eectrogas.