Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, li l-Gvern ippubblika biss sentejn u nofs ilu, jikkontradixxi dak li qalet il-Ministru Miriam Dalli fl-aħħar ġimgħat dwar il-pjan tal-Gvern għal floating offshore windfarm.
Il-PN permezz tal- Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut qal li filwaqt li l-Ministru esprimiet għal aktar minn darba li sas-sena 2030 il-Gvern irid li jwettaq proġett ta’ floating offshore windfarm, il-Pjan Nazzjonali tal-Gvern, f’paġna 32, jgħid bil-kontra:
“floating offshore wind does not constitute a viable short- or medium-term option for Malta”
“neither onshore nor offshore wind energy are included as a viable renewable technology option contributing to Malta’s renewable energy objectives for the EU’s 2030 target”
Min-naħa l-oħra, il-Pjan għall-Enerġija li ppubblika l-Partit Nazzjonalista s-sena li għaddiet għandu miri aktar fit-tul, għas-sena 2050, u jpoġġi l-investiment fi floating offshore windfarm sal-2030 bħala wieħed mill-pilastri nazzjonali biex pajjiżna jilħaq il-miri tiegħu għall-enerġija rinovabbli u għad-dekarbonizzazzjoni.
Sa mill-2006, il-Partit Nazzjonalista emmen li l-investiment f’impjant li jiġġenera l-enerġija mir-riħ kien essenzjali biex Malta timxi ‘l quddiem f’dan il-qasam. Kien biss il-Gvern Laburista li neħħa l-investiment f’windfarm mill-Istrateġija tal-Gvern fl-2015, ironikament l-istess sena li fiha investa f’windfarm fil-Montenegro.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ewwel pass li jrid isir biex verament mhux biss ninvestu fl-enerġija rinovabbli u nwettqu l-floating offshore windfarm, iżda nibdew insiru ċentru u mexxejja tal-investiment f’dan il-qasam, hu li jkun aġġornat il-Pjan Nazzjonali dwar kif Malta se tilħaq il-miri dwar l-Enerġija li Tiġġedded ħalli l-Ministeri u l-entitajiet kollha governattivi jkunu mexjin fl-istess direzzjoni u dan it-tip ta’ investiment ikun indirizzat b’mod ħolistiku.