Lokali

Il-PN jappella lill-Gvern biex jara li kulħadd ikollu saqaf diċenti fuq rasu

Minister for Social Accommodation Roderick Galdes visits completed works at Rabat Housing Estate

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif, skont il-Ministru Roderick Galdes waqt id-diskussjoni dwar l-Estimi ta’ Dħul u Nfiq tal-Awtorita tad-Djar għas-sena finanzjarja 2022, il-lista ta’ stennija għal housing soċjali tinkludi 1,342 persuna.

Madankollu, il-Ministru Galdes ma qalx kif, qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kien ta x’ jifhem li f’pajjiżna se jkun hawn aktar appartamenti minn kemm għandna waiting list. Kien qal ukoll li l-proġetti ma jħalluhomx fuq il-pjanti, iżda jwettquhom.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-irresponsabbiltà tal-Gvern ta’ Robert Abela fil-konfront ta’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn u li ma jħossux li l-Gvern qed jgħinhom jgħixu ħajja dinjituża.

Permezz tad-Deputati tiegħu, fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista ma tkellimx għal min jgħix fil-lussu jew min jaffordja jgawdi s-Sajf fuq xi jott, iżda għal min jinsab fil-lista ta’ stennija għall-housing soċjali għax f’ħajtu kellu u għad għandu diffikultajiet biex jimxi ‘l quddiem u jkollu post tiegħu.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Prim Ministru u lill-Ministru Galdes biex iżommu kelmithom u jeliminaw għal kollox il-lista ta’ stennija. Staqsa wkoll x’qed iżomm biex jitlestew binjiet bħal dik fl-Imsida, li għadha ġebel u saqaf minkejja li l-appartamenti ilhom imwegħdin ix-xhur.

Il-Partit Nazzjonalista jappella wkoll lill-Gvern biex jgħin lil dawk fil-bżonn u li issa qed jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom anke minħabba li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja. U meta l-Gvern kontinwament qed jgħid li qed jinħoloq il-ġid, dawn l-isfidi qed juru li, jekk verament qed jinħoloq il-ġid, dan mhux qed jasal għand kulħadd.

Diversi studji juri kif, meta persuna ma jkollhiex spazju li ssejħilha “darha”, jispiċċa jiffaċċja sfidi ta’ saħħa fiżika u anke mentali. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jemmen li jekk wieħed ikollu dar fejn jgħix m’għandux jitqies bħala privileġġ, iżda dritt tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem għen biex in-nies ikunu sidien ta’ darhom, bi Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor bena diversi units ta’ housing soċjali, introduċa diversi skemi ta’ għajnuniet u anke għen biex in-nies ikunu jistgħu jirranġaw darhom.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex mill-kliem jgħaddi għall-fatti u biex mill-politika jgawdi l-poplu kollu.