Lokali Qorti

Illiberat bil-kundizzjoni wara kkaġuna disordni mentali f’pazjent f’Mount Carmel

Svediż ta’ 29 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta li fil-11 ta’ Mejju li għadda għall-ħabta tal-10.00am mingħajr ħsieb li joqtil jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, ikkaġuna ħsara fil-ġisem ta’ Malti, li f’dan il-każ’ kien jikklasifika bħala diżordni mental, fis-sala numru 2 tal-isptar Mount Carmel.

Per Magnus Mikael Andersson qal li ġie Malta bil-ħsieb li jibda jaħdem. Fil-bidu tas-seduta l-Avukat Leontin Calleja, għad-difiża talbet lill-Maġistrat Noel Bartolo biex flimkien mal-Ispettur Ritienne Gauci jersqu lejn il-bank biex ikellmuh. Wara kien hemm qbil li jkun hemm ammissjoni, anke jekk għal darba darbtejn il-Qorti wissiet lill-Isvediż li tali akkuża tista’ ġġorr magħha piena ta’ ħabs.

Hawn il-Qorti qalet lil Andersson li seta’ jerġa jikkonsulta mal-Avukat tiegħu dwar jekk iridx jikkonsulta mal-avukat. Fil-fatt hekk għamel u wara ftit tal-ħin ikkoferma l-ammissjoni tiegħu. Fl-awla ngħad li skont Andersson huwa kien qed jiddeffendi lilu nniffsu. Wara li ngħatat is-sentenza il-Qorti kienet infurmata li l-imputat se jmur lura pajjiżu.