Coronavirus Lokali Saħħa

Imutu 5 bil-Covid-19, 488 każ ġdid

Fl-aħħar 24 siegħa mietu 5 persuni bil-Covid-19 biex issa l-ammont ta’ vittmi tela’ għal 735.

Bejn it-Tnejn u t-Tlieta nstabu 488 każ ġdid bil-każijiet attivi issa telgħu għal 3,295. Fl-aħħar sigħat fiequ 69 persuna.

Minkejja ż-żieda sostanzjali fil-każi attivi f’pajjiżna, il-Ministeru tas-Saħħa qed jibqa’ fil-muta dwar is-sitwazzjoni eżatta… bin-numru ta’ pazjenti pożittivi għall-virus fl-Isptar Mater Dei, iktar ma jmur iktar qed jiżdiedu.

L-aħħar darba li kellna ċifra għolja bħal dik tat-Tlieta kienet dik fl-10 ta’ April fejn kienu nstabu 542 każ.

Skont informazzjoni li ġiet ippubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ir-rata ta’ dħul fl-isptarijiet żdiedet bit-tripplu, tant li kien hemm 50 pazjent pożittiv għal dan il-virus – b’nofshom għandhom xi sintomi.

Bħalissa, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu sforz sabiex iħeġġu lil dawk kollha li għadhom ma ħadux t-tieni doża tal-booster. Dan qed isir permezz ta’ ittri illi se jerġgħu jintbagħtu l-ġimgħa d-dieħla lil dawk kollha li ma resqux ‘il quddiem biex jitlaqqmu bit-tieni doża tal-booster.

Nhar il-Ħadd kien l-ewwel darba f’xahrejn illi l-każi ġodda ta’ Covid qabżu 300. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux lill-persuni kollha li għamlu self-test u li ma rrappurtawx lill-awtoritajiet.