Lokali Turiżmu

Is-settur ekonomiku tal-manutenzjoni fl-avjazzjoni jkompli jrendi

Ryanair b’investiment ta’ €20 miljun fil-manutenzjoni u fit-tiswija tal-ajruplani, u li ser joħloq 250 impjieg f’pajjiżna

Waħda mill-kumpaniji ewlenin fl-industrija tal-avjazzjoni, il-kumpanija li Gvern Nazzjonalista ġab f’pajjiżna, Ryanair, bi ftehim mal-Gvern Malti, issa se tiftaħ faċilità ġdida tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani, magħruf bħala MRO, f’pajjiżna.

L-investiment ta’ €20 miljun, f’dan is-settur ekonomiku li kien ġab f’pajjiżna Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi, dak iż-żmien bil-Lufthansa, issa permezz tar-Ryan Air, se jara l-ħolqien ta’ aktar minn 250 impjieg li se jkompli jiżdiedu mal-impjiegi li joffrsi s-settur permezz ta’ kumpaniji li gażlu li jinvesti f’pajjiżna matul l-aħħar 20 sena.

Dan l-investiment tħabbar fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair DAC Eddie Wilson, flimkien ma’ numru ta’ rappreżentanti oħra tal-linja tal-ajru.

Il-faċilità f’Ħal Luqa se tilqa’ l-ewwel ajruplani f’one-bay hangar minn Ottubru li ġej, bil-fażi finali tiegħu tissarraf f’hangar three-bay fejn jingħataw servizzi magħrufa bħala line and heavy maintenance fuq tliet ajruplani f’daqqa.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-investiment bħala pass ieħor importanti fl-istorja tal-avjazzjoni f’pajjiżna. Qal li faċilità bħal din li tispeċjalizza fit-tiswija tal-ajruplani se ssaħħaħ dan is-settur f’Malta, hekk kif din il-faċilità tingħaqad ma’ oħrajn eżistenti fosthom dawk tal-Lufthansa Technik, SRT Malta u Medavia.

INDIS Malta se talloka art lil Ryanair b’total ta’ 7,500 metru kwadru għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair DAC Eddie Wilson qal li, “Bħala waħda mill-akbar linji tal-ajru li toffri servizz lil Malta, Ryanair hija onorata li qed tiftaħ ċentru ġdid ta’ manutenzjoni f’dan il-pajjiż. Ryanair qed toħloq opportunitajiet għal impjiegi ta’ inġinerija b’ħiliet għolja”. Saħaq li dan l-investiment ikompli jsaħħaħ l-impenn ta’ Ryanair biex jintlaħqu l-ogħla standards ta’ operazzjoni u ta’ manutenzjoni fis-settur tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, l-investiment se jsaħħaħ aktar l-impenn ta’ Ryanair lejn Malta, saħaq is-Sur Wilson. Dan meta fl-istess waqt Ryanair qed toffri rekord ta’ 62 rotta dan is-sajf li se jixprunaw l-irkupru turistiku ta’ Malta wara l-pandemija.