Lokali Parlament

Jeħtieġ rabta bejn is-setturi tax-xogħol u tal-edukazzjoni

Justin Schembri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Justin Schembri tkellem fil-parlament dwar ir-relazzjoni bejn l-impjiegi u l-edukazzjoni u kkritika l-fatt li l-mudell ekonomiku attwat mill-gvern hu li jimporta r-riżorsi umani minn barra.

Mill-2009 sal-lum il-ħaddiema barranin f’Malta żdiedu minn 10,000 għal 80,000 u xorta għad hawn nuqqasijiet fil-ħaddiema. Sas-sena li għaddiet iċ-Ċivil kien jimpjega 50,000; żieda ta’ 25% fl-aħħar 9 snin ta’ Gvern Laburista.

Il-poplu qed iħallas €133 miljun iktar għal dan; issa hawn nies li qed ikunu impjegati mill-Gvern għal xahar u wara l-elezzjoni jitwaqqfu. Il-gvern qed jiżbilanċja s-suq tax-xogħol bil-konsegwenza li l-pajjiż qed jitlef il-kwalità tan-nazzjon. Il-pajjiż qed jinbidel kulturalment u qed jinbdiel f’Malta li l-poplu ma jemminx fiha.

Id-deputat Nazzjonalista qal li t-tfal qed ikunu kkunsidrati robots għall-impjiegi għax hekk tiddetta l-ekonomija tal-pajjiż. Fis-settur edukattiv, it-tfal m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala s-servituri tal-ħtiġijiet ekonomiċi.

Kemm hu veru li Jobs Plus qed tkun sinkronizzata mal-edukazzjoni biex ikollna żgħażagħ li jokkupaw l-impjiegi bi kwalità? Ix-xogħol prekaru mhux is-soluzzjoni.

Justin Schembri qal li l-istatistika tal-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola turi aspetti pożittivi għalkemm iktar minn 200,000 persuna f’Malta għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni. Dan qed jeffettwa l-pagi u qed joħloq il-prekarjat.

Il-medja ta’ salarju għal min għandu livell terzjarju hi ta’ €25,000 waqt li dik għal dawk li għandhom livell sekondarji hi ta’ €15,000. 43% tal-impjegati huma nieqes mit-taħriġ; huma l-aktar kategoriji ta’ nies bla xogħol. 22% affermaw li m’għandhomx biżżejjed ħiliet għall-impjieg attwali tagħhom.

Justin Schembri qal li wasal iż-żmien li jkun diskuss jekk kienx għaqli li l-edukazzjoni u l-impjiegi ma jkunux fl-istess ministeru. L-għerf jiġġenera l-ekonomija, sostna d-deputat Nazzjonalista.