Lokali Parlament

Jobs Plus għandha tħares is-suq tax-xogħol

– Stanley Zammit, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-parlament li hi funzjoni ta’ Jobsplus li tħares is-suq tax-xogħol biex dan ikun ekwilibrat bl-istakeholders kollha: pubbliċi, privati u dawk li ma jaħdmux għall-profitt, joperaw fuq l-istess livell mingħajr kompetizzjoni inġusta minn min hu obbligat jara li dan ma jkunx il-każ.

L-Employement and Training Corporation (ETC), proġett tal-PN, illum il-Jobsplus, kienet strumentali biex tinħoloq struttura u żżewweġ lill-ħaddiema u l-ħiliet tagħhom ma’ niċeċ ekonomiċi ġodda bħal dawk tal-avvjazzjoni, il-farmaċewtika, is-servizzi finanzjarji, l-e-gaming u l-manifattura avvanzata f’dinja diġitalizzata.

Fi żmien meta l-Partit Laburista kien ibeżża’ bl-invazzjoni tal-hairdressers Sqallin, l-ETC kienet attiva ħafna fil-preparazzjoni ta’ Malta biex tissieħeb fl-UE. Rajna u qed naraw kif permezz ta’ din is-sħubija il-korporazzjoni iggwadanjat minn flejjes mill-Fond Socjali Ewropew biex setgħet tespandi u ttejjeb is-servizzi tagħha.

Din kienet is-sistema li ħoloq Partit Nazzjonalista fil-Gvern biex inħoloq xogħol ġdid, saret ġustizzja mal-ħaddiema u l-ħaddiema kellhom libertà li jgħażlu u jimirħu f’xogħol li jagħtihom sodisfazzjon u kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’dawn l-aħħar snin Jobsplus imbuttat u ffaċilitat il-politika tal-Gvern Laburista biex jiġu importati ħaddiema barranin biex isostnu ekonomija ibbażata fuq l-istess żieda fil-popolazzjoni. Jobsplus għandha l-obbligu u l-funzjoni li tara li s-suq tax-xogħol ikun bilanċjat u ġust, kemm mal-ħaddiema kif ukoll ma min iħaddem.

Minn aspett ta’ bilanċ tas-suq tax-xogħol, l-istrateġija li ssodd in-nuqqasijiet fil-ħiliet bil-ħaddiema barranin jista’ jkollha ħajja qasira għaliex ekonomiji oħrajn, inkluż dawk fl-Unjoni Ewropeja, għaddejjin mill-istess esperjenza u qiegħdin f’kompetizzjoni ma’ pajjiżna għat-talent. Jekk ser nibqgħu b’pagi staġnati u l-għoli tal-ħajja jibqa’ jiżdied, jekk il-prezzijiet u l-kirjiet tal-propjetà jibqgħu telgħin, jekk ma jittieħdux il-miżuri neċessarji, mhux biss il-Maltin u l-Għawdxin ma jlaħħqux mal-istil ta’ ħajja li kellhom sa ftit taż-żmien illum, imma ukoll Malta ma tibqax vijabbli u attrattivà għall-ħaddiema barranin. Eżempju ta’ dan huwa l-eżodu tal-imfermiera.

L-impjieg fis-settur pubbliku irid isir aktar rigoruż biex nassiguraw li ma tinħoloqx ħtieġa superfluwa ta’ ħaddiema fiċ-Ċivil, f’awtorijiet pubbliċi, f’kumpaniji parastatali u f’entitajiet oħra ffinanzjati mill-Istat.

Id-dipendenza esaġerata fuq il-ħaddiema barranin mhiex sana mill-punt soċjo-ekonomiku. Jobsplus għandha tieħu rwol primarju f’eżerċizzju biex jiġi determinat fejn hemm ħaddiema żejda jew nieqsa. Fl-istess eżercizzju, għandhom ikunu analizzati sitwazzjonijiet fejn jidher li hemm ħaddiema żejda u jiġu inċentivati, anke fiskalment, sistemi iddisinjati għar-ridistrubuzzjoni ta’ riżorsi lis-settur privat.

Jobsplus għandha tkompli u żżid l-isforzi tagħha, fejn jidħlu programmi ta’ taħriġ, specjalment fil-ħiliet diġitali.

Hu important li Jobsplus tibqa’ tipprovdi skemi lil min qed ifittex xogħol biex dawn jiksbu l-kompetenzi neċessarji biex isibu xogħol jew qabel ma jidħlu f’impjieg. Dawn it-tip ta’ skemi għandhom jiġu addottati għal haddiema li jkunu jixtiequ jiċċaqilqu mis-settur pubbliku għall-privat. Għandhom jiġu addottati ukoll għall-ħaddiema barranin qabel ma dawn jibdew ix-xogħol. F’dan il-każ l-iskemi ghandhom ikopru mhux biss kompetenzi relatati max-xogħol partikolari imma anke dawk kulturali u soċjali.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, tiżdied it-tentazzjoni tal-kumpaniji biex inaqqsu l-investiment fil-ħaddiema tagħhom speċjalment fit-taħriġ u aktar u aktar fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà. F’dawn iċ-ċirkostanzi jeħtieġ boost qawwi fl-iskemi ta’ taħriġ.