Lokali

Joseph Muscat joħloq qasma bejn il-klabbs tal-futbol f’Malta

Storja esklussiva li kienet żvelata minn Replay permezz tal-paġna ta’ din l-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-futbol lokali fuq Facebook, ħolqot diskussjoni sħiħa minn kulħadd, anke minn dawk li ma jsegwux il-futbol. L-eks Prim Ministru Laburista, Joseph Muscat qed ikun imbuttat minn numru ta’ klabbs li jiffurmaw parti mill-Malta Professional Football Clubs Association (MPFCA) sabiex jassumi l-kariga ta’ Ċermen ta’ din l-assoċjazzjoni.

Replay irraporta kif preżentament, l-MPFCA tinsab mingħajr Ċermen, wara li fil-ġimgħat li għaddew, Robert Micallef ma baqax jokkupa din il-kariga. Diversi sorsi minn klabbs fil-Kampjonat Premier, u li tkellmu ma’ Replay (Net Television) f’dawn l-aħħar jiem, ikkonfermaw li fi ħdan din l-assoċjazzjoni tal-klabbs, issemmew diversi ismijiet ta’ persuni differenti li għandhom jiġu kkonsidrati għal dan ir-rwol, iżda l-isem li dwaru hemm l-aktar diskussjoni u kontroversja hu dak ta’ Muscat.

Mhux sigriet li ‘lil hinn mill-ħajja politika tiegħu, Muscat minn dejjem kien isegwi b’interess il-futbol, partikolarment dak internazzjonali, iżda diversi sorsi minn klabbs differenti, li huma parti minn din l-assoċjazzjoni tal-klabbs tal-futbol lokali, u li tkelmu ma’ Net News wara li ħarġet din l-istorja minn Replay, qalu li isem Muscat xxokkja lil ħafna għal raġunijiet ovji.

L-MFPCA hi assoċjazzjoni awtonoma mill-MFA u li twieldet f’Novembru li għadda minflok il-Premier League Standing Committee. Waqt li hemm numru ta’ klabbs li qed imexxu ‘l quddiem l-isem ta’ Muscat biex ikun hu li jsir iċ-Ċermen tal-Malta Professional Football Clubs Association – MPFCA, hemm klabbs oħra li qed jopponu għalkollox din il-possibiltà. Dawn tal-aħħar indikaw li jixtiequ bniedem li jkun totalment indipendenti fit-tmexxija jew li jkun magħżul minn bejniethom u mhux ġej minn barra jew li qatt qabel ma kellu rwol jew esperjenza ta’ amministrazzjoni fil-futbol Malti.

Hu mifhum li għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol f’pajjiżna, Muscat irnexxilu joħloq qasma kbira fost il-klabbs tal-Kampjonat Premier. Persuna b’rwol ta’ tmexxija f’wieħed mill-klabbs tal-Kampjonat Premier u li tkellem magħna b’kundizzjoni ta’ kunfidenzjalitá qal lil Net News li “isem Muscat joħloq diffikultá mill-aspett politiku, iżda agħar minn hekk joħloq ukoll skumditá minħabba l-passat xejn sabiħ tiegħu.”

Appena ħarġet din l-istorja minn Replay, ftit tal-minuti wara, il-media lokali rrapurtat din l-istorja bi prominenza. Kienu ħafna dawk li kkumentaw li persuna bħal Muscat, li kellu jirtira mix-xena politika sforz xita ta’ każijiet li ħammru wiċċ Malta internazzjonalment, m’għandu qatt jitħalla jidħol jifforma parti fi kwalunkwé rwol, wisq aktar ta’ tmexxija, fil-futbol jew l-isport lokali. Oħrajn saħansitra saħqu li l-ħatra ta’ Muscat bħala Ċermen tal-MPFCA tkun l-akbar ġennata li l-klabbs tal-futbol lokali jistgħu jagħmlu, mhux biss minħabba l-passat tiegħu iżda ukoll għat-titlu xejn prestiġjuż li l-eks Prim Ministru Laburista kien ingħata mill-OCCRP fl-2019, bħala r-raġel tas-sena għall-kriminalitá organiżżata u għall-korruzzjoni.

“B’Muscat fil-futbol Malti u f’din il-kariga, inkunu qed nagħmlu l-akbar ħsara lill-futbol Malti, u lil dawk li għal tant snin ilhom jiddedikaw ħinhom b’ġenwinitá u impenn biex il-futbol lokali jikber fil-livell u fir-reputazzjoni tiegħu internazzjonalment,” qalet persuna oħra, li fil-passat kellha kariga għolja fl-assoċjazzjoni tal-futbol f’Malta.