Lokali

L-Awtorità tad-Djar ġabret 392 ċavetta fuq medda ta’ ħames snin

L-Awtorità tad-Djar ġabret 392 ċavetta fuq medda ta’ ħames snin – matul is-sena 2021 biss, inġabbru 80 ċavetta minn persuni li kienu qegħdin jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali tal-gvern. Dan ifisser li fl-aħħar 5 snin, instabu kważi 400 każ ta’ persuni li okkupaw residenza li ma kienetx tagħhom, kontra l-liġi jew mingħajr dritt. Dan filwaqt li 400 persuna li verament kellha bżonn akkomodazzjoni soċjali tal-gvern

Statistika preżentata lill-ġurnalisti fil-bidu ta’ din il-ġimgħa wriet kif mill-2017 sal-aħħar tas-sena 2021, l-Awtorità sabet total ta’ 392 residenza b’dan l-abbuż partikolari. Madanakollu, kien spjegat li dan mhux l-uniku abbuż li l-Awtorità tiltaqa’ miegħu.

Filfatt, hemm diversi forom ta’ abbuż, fosthom l-isfruttar ta’ inkwilini vulnerabbli li joħorġu mir-residenza tagħhom sabiex jieħdu trattament mediku fit-tul; il-kiri u użu ta’ akkomodazzjoni soċjali għal skopijiet turistiċi u kummerċjali; it-tpartit ta’ akkomodazzjoni soċjali mingħajr l-approvazzjoni tal-Awtorità; kif ukoll każi fejn persuni jokkupaw akkomodazzjoni soċjali mingħajr rikonoxximent.

L-Awtorità tiltaqa’ wkoll ma’ numru żgħir iżda sinifikanti ta’ każi fejn persuni li jsostnu li huma rappreżentanti, uffiċjali jew impjegati tal-Awtorità, jabbużaw mill-fiduċja ta’ persuni vulnerabbli għal skopi ta’ gwadann u frodi.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat li ħaddiema tal-Awtorità tad-Djar qatt mhu se jitolbu flus bil-quddiem lill-applikanti iżda jiġbru biss miżati relatati mal-amministrazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, liema miżati jinħarġu skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskemi u dejjem tinħareġ irċevuta uffiċjali tal-Awtorità

Apparti minn hekk, il-korrispondenza bejn rappreżentanti tal-Awtorità u l-pubbliku ssir biss permezz tas-sistema tal-emails tal-gvern u l-linji tat-telefon fissi, u għaldaqstant kulħadd għandu jinnota dawn id-dettalji meta xi persuni jsostnu li huma qed jaġixxu f’isem l-Awtorità tad-Djar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li, “il-ħidma tisfa fix-xejn jekk ma jiġix żgurat li dawn ir-residenzi, u oħrajn mibnija fil-passat, jiġu użati għall-iskop li għalihom inbnew, u għalhekk huwa indispensabbli li jitwaqqaf kull forma ta’ abbuż f’dawn ir-residenzi.’’ Sar appell sabiex dawk kollha li jafu b’xi allegat abbuż jersqu ’l quddiem bl-informazzjoni kollha biex jinbdew l-investigazzjonijiet neċessarji.