Parlament

ll-Gvern għandu jimplimenta mini-budget

Jerome Caruana Cilia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia appella lill-Gvern biex jimplimenta mini-budget.

Fil-parlament hu qal li jekk wieħed iħares lejn ir-rapport annwali tal-JobsPlus għas-sena l-oħra jara li r-rata magħrufa bħala NEET, jiġifieri, persuni ta’ bejn il-15 u l-24 sena mhux fix-xogħol, fl-edukazzjoni jew taħriġ huwa ta’ 9.7%, ftit inqas mill-medja Ewropea.

Dawn huma ċ-ċifri li kienu sottomessi sal-aħħar ta’ Settembru tas-sena l-oħra. Skont ir-rapport stess dan jammonta għal madwar 5,000 żagħżugħ u żagħżugħa li minnhom hu maħsub li madwar 3,000 huma bla xogħol u 2,000 huma inattivi.

Għaldaqstant jeħtieġ li jsir ferm u ferm iktar biex naraw liż-żgħażagħ jimxu ‘l quddiem… iż-żgħażagħ li mhumiex biss il-futur, imma huma l-preżent ta’ dan il-pajjiż.Iż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw bosta sfidi.


Fiċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa, nappella lill-Gvern biex jikkunsidra u jimplimenta mini-budget. B’dan il-mod ikun jista’ jtaffi ftit mill-impatt qawwi li l-inflazzjoni qed tħalli fuq il-familji u n-negozji f’pajjiżna.


Caruana Cilia tkellem ukoll dwar l-aħbar li pajjiżna ħareġ mill-greylist tal-FATF. Din hi aħbar pożittiva għal pajjizna. Hu qal li dan hu suġġett intrinsikament marbut mal-qasam tax-xogħol f’pajjiżna.

Id-deputat Nazzjonalista qal li qatt ma kellna naslu sal-punt li nispiċċaw fuq din il-lista. Pajjiżna qatt ma’ kellu jkun greylisted u jispiċċa għal xhur sħaħ fuq l-istess lista ma’ pajjiżi bħal Burkina Faso, il-Panama, il-Jemen u s-Sirja fost oħrajn.

Caruana Cilia appella biex issa nħarsu ‘l quddiem. Flimkien jeħtieġ li nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Caruana Cilia rringrazzja lil bosta ħaddiema u professjonisti fis-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, kemm dawk li jaħdmu fil-privat, kif ukoll dawk li jaħdmu f’entitajiet governattivi.

Flimkien ħidma qatigħ biex wasalna hawnhekk. Imma dan hu biss il-bidu ta’ din il-mixja, post-greylisting. Caruana Cilia qal li l-impatt tal-greylisting fuq pajjiżna ma’ telaqx mal-aħbar tal-ġimgħa l-oħra.

Għaldaqstant, irridu nibqgħu ffukati biex inkomplu naħdmu u nistinkaw favur ekosistema aktar b’saħħitha ta’ Corporate Governance.
Id-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia qal li rridu nkomplu nsostnu sistema ta’tech-friendly.

Għandna settur diġitali li qed jikber b’mod qawwi, li tista’ tgħid qed isir l-ikbar mutur ta’ soluzzjonijiet bankarji ġodda u innovazzjonijiet bankarji. Jeħtieġ li noħolqu klima biex jikber l-investiment permezz tal-Artificial Intelligence, The Internet of Things u Quantum Technologies, sostna Jerome Caruana Cilia.