Lokali Qorti

Mixli li seraq kalċi fost oġġetti sagramentali oħra u flus kontanti

Philip Agius ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li għandu problema ta’ droga ġie mixli li matul dan ix-xahar ta’ Ġunju seraq diversi oġġetti sagramentali li jinkludu kalċi u flus kontanti. L-allegat serq sar minn ġewwa s-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Żebbuġ (ritratt) stess u mill-Kappella ta’ San Ġwann Battista li tinsab fis-Siġġiewi.

Agius li wieġeb mhux ħati tal-akkużi u li qal li jaħdem fil-kostruzzjoni nforma lill-Qorti li m’għandux meżżi biex iqabbad avukat u għalhekk ġiet appuntata avukat tal-għajuna legali. Irriżulta wkoll li sa minn qabel ma ġie arrestat huwa rritorna kważi l-oġġetti kollha misruqa, minħabba r-rimors li ħass. Huwa iżda ma rritornax il-flus misruqa u li dawn intużaw biex huwa jixrtri d-droga.

Huwa ġie mixli li fil-lejl ta’ bejn it-2 u t-3 ta’ Ġunju mis-Santwarjiu tal-Qalb ta’ Ġesù wettaq is-serq li ma jeċċedix is-somma ta’ €2,333 għad-dannu ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Huwa ġie mixli wkoll li għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor. Ġie mixli wkoll li fit-13 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-4.00pm. seraq flus kontanti mill-Kappella ta’ San Ġwann Battista wkoll għad-dannu tal-Arċidjoċesi u li wettaq ħsara.

Akkuża oħra tinkludi li fil-lejl ta’ bejn is-17 u t-18 ta’ Ġunju pprova jisraq minn Triq Santa Margerita, s-Siġġiewi, liema delitt ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa inċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu. Ġie mixli wkoll li fl-20 ta’ Ġunju u fil-jiem ta’ qabel laqa’ għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa u li sar reċidiv.

L-Ispettur Christina Delia qalet lill-Maġistrat Noel Bartolo li l-Pulizija kienet qed tirċievi rapporti anonimi fuq serq minn santwarji u knejjes. Qalet li hija marret fir-residenza tiegħu fejn huwa ikkopera ħafna magħha. L-Avukat Leontin Calleja, li deheret għall-akkużat talbet lill-Qorti biex din tikkonverti ruħa f’waħda ta’ droga, liema talba sabet oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni li qalet li l-istadju gġadu wisq bikri biex dan isir.

L-Avukat Karl Muscat li flimkien mal-Avukat Nicholas De Gaetano li kien qed jirrapreżenta l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-akkużat f’dan l-istadju għadu jieħu d-droga u kien qed jisraq biex jiffinanzja l-vizzju. Il-Qorti għandha l-ewwel tisma’ x-xhieda qalet il-prosekuzzjoni u wara tiddeċiedi. Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju kienet qed tiċħad it-talba.

Saret talba mid-difi’a għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona, minħabba s-serjetà tar-reati u li huwa reċediv u hemm il-biża li l-akkużat jerġa jikkommetti reat ieħor. Minn naħa tagħha l-avukat Calleja qalet li l-ħabs żgur mhux is-soluzzjoni imma programm.

Minkejja kollox qalet il-prosekuzzjoni Agius ħass rimors kbir għall-affarijiet sagramentali u ħadhom lura saħansitra sa qabel ma tressaq. Il-Qorti qalet li minħabba n-natura tal-akkużi u dokumenti esebiti fosthom il-fedina penali hija ċaħdet it-talba f’dan l-istadju peress li l-imputat ma joffrix il-garanziji u dan minħabba l-biża ta’ kummissjoni ta’ reat ieħor.

Id-difiża għamlet talba għall-pre sentencing report li ġiet milqugħa fejn fil-11 ta’ Lulju li ġej wara li jitqabbad uffiċjal tal-proabtion wieħed jimxi minn hemm. Minn naħa tagħha l-Qorti irrakomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ kordin sabiex l-imputat jiġi jew allokat jew jingħata l-għajnuna meħtieġa sabiex isegwi programm jew għajuna oħra kontra l-vizzju tad-droga.