Lokali Qorti

Multa ta’ €500 fuq importazzjoni ta’ cannabis grass

Spanjola ta’ 35 sena li tinsab Malta bl-intenzjoni li tibda taħdem fis-settur mediku ġiet immultata €500 mill-Maġistrat Noel Bartolo wara li ammettiet li importat f’Malta l-cannabis grass. Il-Pulizija kienu nfurmati mill-United Parcel Service (UPS) dwar dan il-pakkett u wara li kellmu lil Annabelle Fernandez hija ammettiet li l-pakkett kien indirizzat lilha.

L-Ispettur Marshall Mallia qal li l-mara ġiet arrestata nhar it-Tnejn u li kien skopert li l-pakkett kien intbagħat fl-indirizz ta’ fejn toqgħod fil-Kappara. Huwa qal lill-Qorti li d-droga kienet biss għal użu personali. L-Avukat Stefano Filletti li flimkien mal-Avukat Martin Cuschieri deher għall-Ispanjola talab lill-Qorti biex tagħti l-piena fil-minimu possibbli u dan għal diversi raġunijiet, fosthom il-kondotta nadifa ta’ Fernandez.

Huwa qal li s-sustanza hija legali f’Malta u anke li wieħed ikun fil-pussess tagħha mhijiex kontra l-liġi. Hija l-importanza tagħha li mhijiex legali. Fil-bidu tas-seduta l-Avukat qal ukoll li ma kienx qed jikkontesta l-validita tal-arrest. Il-Qorti marret għal minimu tal-multa, dik ta’ €500.