Persuna li tkellmet ma’ dan is-sit u li xtaqet tibqa’ anonima żvelat kif il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, litteralment lejliet l-elezzjoni ġenerali, daħħal persuni jaħdmu mal-Ministeru tiegħu “sempliċiment sabiex jirbaħ il-voti”.
Wara xhur li Fearne kien ilu jwiegħda xogħol mal-Gvern, din il-persuna kienet avviċinata sabiex tiffirma kuntratt ma’ kumpanija tas-sigurtà li tagħti servizz fI-Isptar Mater Dei. Apparti din il-persuna kien hemm 50 persuna oħra li wkoll iffirmaw għal dan il-job mal-kuntrattur.
Però, appena għadda xahar minn mindu kien iffirmat dan il-kuntratt, dawn il-persuni tkeċċew mix-xogħol, bir-raġuni tkun li ma kinux kwalifikaw biex ikomplu bl-imjieg.
Din il-persuna li tkellmet ma’ Net News stqarret li għadha sal-lum tfittex xogħol, “u dan kollu minħabba l-egoiżmu tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li litterlament uża lil dawn il-persuni u wegħdhom xogħol biex jirbaħ il-voti lejlet l-elezzjoni”.
Intant, wara mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, il-Prim Ministru Robert Abela qal li f’dawn l-aħħar sitt xhur iddaħlu 979 persuna jaħdmu mal-Gvern u entitajiet governattivi. Fl-istess perjodu kien hemm 790 persuna li ma baqgħux jaħdmu mal-Gvern.
//= $special ?>