Lokali

“Tkunx kompliċi fl-abbuż tal-poter fuq direct orders”

Il-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius u ċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. id-Deputat Darren Carabott qed jappellaw lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Kuntratti biex jeżerċita r-rwol tiegħu ta’ gwardjan tar-regoli tal-appalt pubbliku u jivverifika l-prassi tal-Gvern biex jillimitaw id-direct orders li qed joħonqu l-kompetizzjoni u jwasslu lill-intraprendituri onesti biex iżarmaw in-negozju tagħhom.

Huma qalu li r-rwol tiegħu hu li jiżgura l-applikazzjoni tal-liġi, li tipprevedi li d-direct orders isiru biss meta ma jkunx hemm alternattiva oħra. Dan hekk kif taħt din l-amministrazzjoni u taħt is-sorveljanza tiegħu saru n-norma. Iż-żewġ rappreżentanti tal-PN f’ittra pubblika indirizzata lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Kuntratti appellawlu biex ma jħallix lill-Ministru jgħawġu r-regoli, u jkunu kompliċi fl-illegalità.

Huma qalu li żewġ sentenzi tal-Qorti kixfu żewġ każijiet ta’ aġir dubjuż mid-Dipartiment tal-Kuntratti, għalhekk qed jistaqsu lid-Direttur tal-Kuntratti jekk hemmx xi miżuri li qed jittieħdu biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati mill-Qrati.’

L-ewwel każ imsemmi fl-ittra kien jikkonċerna direct order mogħti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni lil entità msejħa ‘Specialist Group’. Il-fatti li ħarġu mill-Qorti juru li dik li kellha tkun sejħa għall-offerti, spiċċat bħala direct order lil Specialist Group, mingħajr ma kien hemm l-ebda urġenza reali.

Peter Agius u Darren Carabott qal li dan kien każ ċar ta’ inkompetenza min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u d-Direttur tal-Kuntratti approva din il-proċedura biex jinħbew in-nuqqasijiet tal-amministrazzjoni u allura jagħmlu lill-uffiċċju kompliċi ta’ dan l-aġir illeċitu,

Sentenza oħra tal-Qorti f’Marzu li għadda fil-kawża Pharma-mt Ltd Vs Direttur tal-Kuntratti u Oħrajn tgħid li:

“Din il-Qorti tħoss, jew aħjar, għandha suspett, li xi ħadd x’imkien ried iwarrab lis-soċjetà appellanti għall-kwalunkwe skuża jew ried jaġevola lis-soċjetà E.J. Busuttil Ltd. Dan jingħad għax ir-raġuni prinċipali għall-iskwalifika kienet palesament ħażina għax marret kontra dak espressament provdut fis-sejħa, filwaqt li t-tieni raġuni setgħet u kellha tiġi ċċarata mingħajr ma jintrifes il-prinċipju ta’ proporzjonalita` u trasparenza li jirregolaw il-materja.”

Peter Agius qal li dan hu kliem iebes ħafna u jixtieq jistaqi lid-Dipartiment tal-Kuntratti jekk hux qed jieħu xi passi biex jindirizza dawn l-akkużi.

Ir-rappreżentanti tal-PN jissottolinjaw li funzjoni primarja tad-Dipartiment tal-Kuntratti kif stipulat fir-regolament 12(1)(a) fil-Liġi Sussidjarja 601.03 hija li ‘jwettaq monitoraġġ fuq l-attivitajiet ta’ akkwisti pubbliċi bil-għan li jiżgura li dawn ir-regolamenti jiġu osservati u li jiżgura li r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’  sorveljanza jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ mezzi xierqa ta’ informazzjoni.’

Peter Agius u Darren Carabott ikkritikaw lid-Direttur tal-Kuntratti filwaqt li saħqu li ‘Meta tħares lejn dawn is-sentenzi tal-Qorti, jidher li flok jiżgura li dawn l-affarijiet ma jseħħux, id-Dipartiment qed ikun kompliċi fihom.

L-hekk imsejħa ‘proċedura nnegozjata’ prevista fil-liġijiet Ewropej u anki f’dawk lokali, qed tintuża ħażin biex jingħataw direct orders bħala mezz ta’ klijentaliżmu jew biex jinħbew nuqqasijiet fl-amministrazzjoni pubblika. Iż-żewġ kawżi tal-Qorti msemmija minn Agius u Carabott juru biss il-quċċata ta’ muntanja, u ċerti awtoritajiet tal-kuntratti bħal dawk relatati mat-trasport, qed japprovaw l-użu ta’ direct orders għal kuntratti li jiswew mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Peter Agius u Darren Carabott saħqu li d-Dipartiment li għandu rwol daqshekk kruċjali biex jiżgura li l-finanzi pubbliċi jintefqu b’kuxjenza u li l-ġid jitqassam b’mod ugwali, jidher li hu bla saħħa, u qed jippermetti li jsiru dawn l-abbużi.