Sport Waterpolo

Tpattija sportiva minn Exiles b’ritorn fil-Kampjonat Premier … rebħiet għal Neptunes u Ta’ Xbiex

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Artiklu: Stewart Said

EXILES………………………………. 5

M’SKALA FISH AND FISH……. 4

(0-0), (1-1), (2-1), (2-2)

Ħdax-il xahar ilu, kienu Marsaskala Fish and Fish li rebħu l-konfront deċiżiv u tefgħu lil Exiles fl-Ewwel Diviżjoni għall-ewwel darba mill-2010. Din id-darba l-istorja kienet differenti. Logħba missielta li marret fuq in-naħa ta’ Exiles u ppremjathom b’post fil-Kampjonat Premier għas-spejjeż proprju ta’ Marsaskala.

Fl-ewwel sessjoni Exiles kienu ftit aħjar minn Marsaskala iżda ma rnexxielhomx isibu x-xibka. Huma fallew żewġ okkażjonijiet ta’ superjorità numerika iżda ddefendew tajjeb u naqqsu l-okkażjonijiet tal-avversarji.

It-tieni sessjoni żammet l-istess andament, b’Marsaskala iżda li rnexxielhom imorru minn fuq b’gowl ta’ Ayrton Camenzuli filwaqt li Mark Fenech ġab id-draw ftit wara.

Il-logħba żiedet fit-tensjoni fit-tielet sessjoni iżda fl-attakk baqgħet nieqsa mill-perfezzjoni. Għal darba oħra, Marsaskala marru minn fuq b’gowl minn man-up ta’ Jake Ciantar. Exiles wieġbu minn man-up skorjat minn Matteo Martellacci, b’Max Aquilina jpoġġi lil Exiles għall-ewwel darba minn fuq minn penalty.

Il-vantaġġ kiber għal 5-2 fl-aħħar sessjoni permezz ta’ Philip Paris u Kurt Griscti. Iżda Marsaskala baqgħu jittamaw b’gowls ta’ David Pace Lupi u Gerald Sammut. Madankollu ma kienx fadal biżżejjed ħin biex idawru r-riżultat, b’Exiles jirbħu l-konfront.

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, L. Gialanze, P. Paris (1), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti (1), N. Paris, J. Bajada, M. Aquilina (1), D. Fenech, G. Borg, M. Martellacci (1)

Marsaskala: J. Micallef, L. Falzon, A. Camenzuli (1), P. Privitera, R. Greco, G. Galea, K. Navarro, M. Manara, D. Pace Lupi (1), G. Sammut (1), J. Ciantar (1), M. Carani, A. Muscat, S. Fava, F. Scardino

Referees: Alex de Raffaele, Aldo Rovandi

NEPTUNES VIDEOSLOTS……….. 20

VALLETTA IZIBET…………………. 3

(3-1), (8-0), (3-1), (6-1)

Neptunes Videoslots għalqu Grupp A tal-Fażi Preliminari b’punti massimi u se jibdew il-Kampjonat Premier b’sitt punti wara żewġ rebħiet kontra timijiet li se jkunu fl-istess diviżjoni magħhom.

Ir-rebħa kontra Valletta kienet skont il-previżjoni. Valletta jkomplu l-istaġun fl-Ewwel Diviżjoni u wkoll se jibdew b’sitt punti minħabba r-rebħiet f’din il-fażi kontra Ta’ Xbiex u Otters, żewġ timijiet li se jilagħbu magħhom fl-Ewwel Diviżjoni.

Għal Neptunes għamel id-debutt staġjonali Jeremy Abela wara staġun barra l-pajjiż. Fuq in-naħa l-oħra, Luke Hyzler u Stephen Micallef kienu neqsin għal Valletta, b’Keith Galea u Kyle Cremona jirritornaw fit-tim li lbieraħ kien immexxi minn Stephen Rizzo, fl-assenza ta’ Joe Cremona.

Il-konfront kellu faċċata waħda, b’Neptunes jiddominaw filwaqt li Valletta ftit offrew reżistenza. Fl-ewwel parti tal-logħba, iddomina Stevie Camilleri li skorja ħamsa mill-11-il gowl ta’ Neptunes fl-ewwel żewġ sessjonijiet. Fit-tieni parti, kien Jake Muscat li skorja erba’ mid-disa’ gowls.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (5), S. Gialanze (2), G. Pace (1), J. Cachia, J. Spiteri Staines (1), S. Camilleri (7), J. Camilleri (1), J. Abela (1), M. Spiteri Staines, A. Fenech (2), M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia, M. Pace, T. Said, S. Busuttil (1), Z. Micallef, D. Paolella (1), M. Mifsud (1), J. Culic, A. Agius, K. Galea, K. Cremona, A. Bugeja, L. Felice, R. Attard

Referees: Gianfranco Bonavita, Richard Magri

TA’ XBIEX AMIGOS……… 10

OTTERS NIVEA……………… 6

(1-1), (3-1), (4-2), (2-2)

Ta’ Xbiex Amigos kisbu rebħa li se tiswiehom għall-Ewwel Diviżjoni b’rebħa f’konfront dirett kontra Otters Nivea, bit-tim Għawdxi għadu qed ifittex l-ewwel rebħa tal-istaġun.

Ta’ Xbiex qatt ma kienu minn taħt tul il-konfront kollu u rnexxielhom li ftit ftit jibnu vantaġġ li għamilha diffiċli għal Otters biex jirkupraw. Għal Ta’ Xbiex ikompli l-istaġun pożittiv ta’ Elijah Schembri filwaqt li Matthias Bonnici kellu prestazzjoni pożittiva bħala centre għal Otters.

Kien Zak Cutajar Licari li poġġa lil Ta’ Xbiex  minn fuq, b’Luke Grech Carr iwieġeb minuta wara. Il-vantaġġ kiber għal 3-1, sakemm Bonnici naqqas id-distakk, b’Jacob Saliba jiskorja t-tieni gowl personali u żamm il-vantaġġ doppju.

Lejn nofs it-tielet sessjoni, il-vantaġġ ta’ Ta’ Xbiex kiber għal 7-3. Bonnici prova jżomm lil Otters fil-logħba iżda Aquilina żamm il-vantaġġ ta’ erba’ gowls. Schembri għalaq il-logħba fl-aħħar sessjoni b’żewġ gowls oħra, b’Otters inaqqsu d-distakk lejn it-tmiem b’doppjetta ta’ Bonnici, gowls li kienu inutli biex jevitaw it-telfa.

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (2), J. Pace Mizzi, E. Meli (1), S. Engerer, J. Saliba (2), J. Cassar, E. Schembri (3), B. Attard, P. Tabone, J. Chircop, Z. Dzanovic, Z. Cutajar Licari (2), T. Fenech

Otters: M. Xerri, M. Bonnici (5), K. Scicluna, L. Grech Carr (1), M. Farrugia, D. Dimech, I. Azzopardi, S. Dimech, L. Dimech, S. Apap, Z. Bartolo, A. Dimech, G. Gatt Ellis, K. Micallef, K. Lupi Spencer

Referees: Gianfranco Bonavita, Peter Balzan

Logħob li jmiss

Għada

Grupp B: Marsaxlokk v Barracudas 6.15pm, San Ġiljan v Sliema 8.25pm

Grupp A: Sirens v Birżebbuġa 7.20pm