Sistema finanzjarja ħielsa mill-abbuż kriminali u li jkollha reputazzjoni tajba hi ta’ importanza kbira għall-ekonomija tal-pajjiz. Dan ghaliex jinkoraġixxu investiment barrani li huwa nadif.
L-FIAU ma jistax jikseb dan waħdu u hemm bżonn il-kooperazzjoni u l-appoġġ ta’ diversi awtoritajiet oħra u ta’ persuni oħrajn illi jissorveljaw biex dan isir.
Dan ħareġ mil-laqgħa li saret it-Tnejn fejn matulha l-FIAU ippubblika r-Rapport Annwali tiegħu. F’dan ir-rapport sar magħruf kif is-sena li għaddiet saru 7,218-il rapport dwar persuni suspettużi – zieda ta’ aktar minn 2,000 rapport fuq l-2020.
Dan filwaqt li l-Korp tal-Pulizija qassam 8,443 rapport ta’ intelligence ma’ awtoritajiet kompetenti Maltin u internazzjonali u ma’ FIUs barranin – żieda ta’ 86% fuq l-2020.
L-FIAU bagħat lill-Pulizija aktar minn 70 rapport analitiku li jindikaw suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjar ta’ terroriżmu … u aktar minn 400 rapport ieħor b’intelligence addizzjonali.
Iżda s’issa….mhux maghruf x’qed jaghmel il-Korp tal-Pulizija b’dawn ir-rapporti. U jekk hemmx persuni li qed jigu investigati.
Id-Direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia qal li s-sena 2021 kienet sena oħra ta’ sfidi. Dan għaliex l-ewwel sitt xhur involvew xogħol intensiv sabiex titkompla l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-MONEYVAL.
Huwa fakkar kif matul il-laqgħa plenarja ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, l-FATF iddeċidew li jpoġġu lil Malta fuq il-lista l-griza. Għalhekk fit-tieni nofs tas-sena sar ħafna xogħol sabiex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni miftihem mal-FATF ħalli tiżdied l-effettivita fl-oqsma li kienu ta’ tħassib.
//= $special ?>