Internazzjonali

Afganistan: Imutu viċin l-1,000 wara wieħed mill-agħar terremoti fl-istorja

L-awtoritajiet fl-Afganistan qalu li mietu talanqas 950 persuna b’kaġun ta’ wieħed mill-agħar terremoti li qatt laqtu l-pajjiż għal għexieren ta’ snin.

It-terremot ikkaġuna sensiela ta’ valangi tal-art li qerdu kwantità kbira ta’ djar fil-provinċja ta’ Paktika. Fl-aħħar sigħat, gruppi ta’ voluntiera kienu qed jistinkaw biex isalvaw kemm jista’ ikun tan-nies f’sitwazzjoni allarmanti, u meta ċ-ċifra tal-mejtin kienet mistennija titla’ minn ħin għall-ieħor.

Sadanittant, numru ta’ ħelikopters kienu qed iwasslu l- midruba mit-terremot lejn l-eqreb sptarijiet, bil-ħidma ta’ fejda ssir ukoll fl-aktar zoni remoti tal-pajjiż.

Il-Kap tat-Taliban Hibatullah Akhundzada – li qed imexxi l-pajjiż – ikkonferma ‘qerda fuq skala li ma raw qatt bħala’, bl-awtoritajiet tat-Taliban isostnu li l-midruba kienu qabżu s-700.

It-terremot laqat zona ftit ‘il hinn mill-belt ta’ Khost, f’ħin meta ħafna Afgani kienu għadhom reqdin. F’din is-sitwazzjoni traġika qed jidher li kull inħawi residenzjali f’parti kbira tal-pajjiż ġarrbet il-vittmi fit-theżżiża. Dan kien speċjalment il-każ fl-inħawi rurali fejn id-djar huma nstabbli inkella mibnija b’materjal mhux xieraq għax-xogħol ta’ kostruzzjoni.

Il-komunikazzjoni maz-zoni tal-qerda kienet diffiċli minħabba li l-infrastruttura għat-telefons ċellulari ġarrbu ħsarat kbar u b’konsegwenza ta’ dan, eluf ta’ Afgani ma kenux jafu x’saru mill-għeżież tagħhom li kienu rappurtati mitlufa.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li t-terremot qered il-villaġġi sħaħ, bit-Talibani jsejħu għal aktar skwadri ta’ emerġenza biex imorru jagħtu l-għajnuna fiz-zoni lejn il-lvant tal-Afganistan li ġarrbu l-akbar impatt tat-theżżiża.

Is-snin ta’ konflitt fl-Afganistan wasslu għal sitwazzjoni fejn hu diffiċli ferm għall-pajjiż biex jibni u jiżviluppa d-difiżi tiegħu kontra t-terremoti u diżastri naturali oħra.