Lokali

Appoġġ kbir għall-Fond Soċjali għall-Klima ta’ Casa fil-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew ivvota, b’mod b’saħħtu, favur il-Fond Soċjali għall-Klima, fond ta’ bosta biljuni ta’ ewro, li ġie nnegozjat b’mod konġunt mill-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Popolari Ewropew David Casa u Esther de Lange.

Casa se jmexxi n-negozjati flimkien ma’ de Lange, f’isem il-Parlament Ewropew, f’negozjati mal-gvernijiet tal-UE, rappreżentati fil-Kunsill tal-UE.

“Il-Fond Soċjali għall-Klima jikkonsisti minn bosta biljuni ta’ ewro tal-UE biex iħarsu liċ-ċittadini mill-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-enerġija,” qal Casa. “Ir-riżultat qawwi huwa sinjal ċar li t-transizzjoni għan-newtralità klimatika għandha tkun ukoll waħda soċjalment ġusta.”

Hemm biljuni ta’ ewro allokati li mistennija jmorru lejn investiment f’miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija għad-djar u l-mikro-intrapriżi bħala parti minn pjan biex titnaqqas id-domanda u l-konsum tal-enerġija. L-użu aktar baxx tal-enerġija se jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-familji u n-negozji jiffrankaw aktar.

“Grazzi għal dan il-fond, se niżguraw li jkollna aktar pannelli solari, aktar insulazzjoni, apparat aktar effiċjenti, trasport pubbliku aktar effiċjenti u affordabbli, u aktar karozzi elettriċi.”

Casa spjega li l-Istati Membri se jimplimentaw miżuri biex jiffinanzjaw investimenti għaċ-ċittadini u jipprovdu għajnuna fuq kontijiet tal-enerġija permezz ta’ appoġġ dirett fuq d-dħul.

Il-Fond Soċjali għall-Klima ġie vvutat bħala parti mill-pakkett Fit-for-55, firxa ta’ leġiżlazzjoni maħsuba biex tikseb tnaqqis ta’ 55% fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030. Dan huwa t-tieni regolament ta’ Casa għal fond multibiljunarju, wara li s-sena li għaddiet ikkonkluda n-negozjati għall-Fond Soċjali Ewropew.

Il-PN sodisfatt bil-vot qawwi fil-Parlament Ewropew favur iċ-ċittadini fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa għar-riżultat li kiseb bir-rapport tal-Fond Soċjali Ewropew li ġie approvat b’mod b’saħħtu llum fi Strasburgu. Din hi ġurnata storika hekk kif il-Parlament Ewropew qed jadotta l-pożizzjoni tiegħu għal politika ambizzjuża għat-tibdil fil-klima.

Dak approvat mill-Parlament Ewropew illum hu bażi eċċellenti li biha David Casa se jidħol f’negozjati mal-membri tal-Kunsill tal-Ministri. Iċ-ċittadini Ewropej, inklużi l-Maltin u l-Għawdxin, se jirċievu fondi biex ma jħallu lil ħadd jaqa’ lura bl-ispejjeż eżorbitanti mit-tibdil fil-klima.

Hekk kif madwar id-dinja qed jiġu rreġistrati temperaturi ogħla mill-medja, iċ-ċittadini qed ikollhom jirrikorru għall-użu ta’ aktar enerġija biex ikessħu d-djar tagħhom. Bi flus allokati fil-Fond Soċjali għall-Klima, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqilbu għal appliances b’aktar effiċjenza.

Fid-diskussjoni fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew aktar kmieni dan ix-xahar, l-MEPs mill-gruppi politiċi kollha rringrazzjaw lil David Casa għall-ħidma li għamel fuq il-Fond Soċjali Ewropew. Huma faħħru l-inizjattiva storika li kienet meħtieġa biex il-familji jirċievu l-għajnuna għall-kriżi fl-enerġija.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi biex fil-mument li l-Fond jidħol fis-seħħ, il-Gvern Malti jagħmel dak kollu possibbli biex jinvesti dawn il-flus fiċ-ċittadini, djar, familji, ħaddiema u negozji żgħar Maltin u Għawdxin. B’hekk biss inkunu qed nieħdu l-massimu tad-drittijiet ġodda li David Casa ħadem għalihom fil-Parlament Ewropew.