Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni

Raġel ta’ 62 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ għoli ta’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni fi Trejqet ir-Rummiena, Ħal Għaxaq għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li r-raġel residenti Ħal Kirkop, weġġa’ wara li waqa’ madwar żewġ sulari waqt li kien qed isiru xi xogħolijiet fl-istess sit.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li fetħet inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.