Lokali

Għaliex ma jridx inkjesta tassew indipendenti?

Għaddew gimghat minn mindu feġġet l-istorja tal-Malti illi rnexxielu joħrog minn pajjiżna minkejja li fuq ismu kien hemm Mandat ta’ Arrest Ewropew. Iżda sa issa, il-Ministru Byron Camilleri qed jibqa’ jirreżisti milli jsejjaħ inkjesta tassew indipendenti. Dan filwaqt li juża l-istess retorika ta’ attakki fuq esponenti tal-Partit Nazzjonalista.

Bil-Ministru Byron Camilleri illi baqa’ jiddefendi l-investigazzjoni tal-Complaints Board. Dan wara li saqsejnih meta verament se tkun qed issir investigazzjoni indipendenti fil-każ ta’ Iosif Galea… u wara li l-Union tal-Pulizija, l-MPU, saħqet illi l-fatt li l-każ serju ta’ Iosif Galea intbgħat quddiem il-Complaints Board tal-Korp ma kinitx deċiżjoni tajba.

Il-Union tal-Pulizija kienet ghamlitha cara li l-Bord m’għandux is-saħħa li jinvestiga b’mod sħiħ materji kriminali… bil-Union titlob inkjesta li tkun indipendenti, għaliex teżisti l-biża’ li dan il-proċess jaf jinbidel fi frame-up fuq xi uffiċjal.

L-Erbgħa filgħodu….saqsejna wkoll lill-Ministru tal-Intern dwar in-nuqqas ta’ uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija – xi ħaġa li ilha tippersisti, u li l-Police Officers Union iddeskrivietha bħala waħda ddisprata.

Għalkemm il-Ministru ma ta ebda soluzzjoni dwar kif se jkun qed jindirizza din il-problema.

Intant, dwar is-sitwazzjoni tal-ufficjali tal-LESA li bħalissa qed isegwu direttivi minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, Byron Camilleri saħaq li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet.