Futbol Sport

Gudja United jippreżentaw lill-kowċ Andrea Agostinelli

Gudja United ippreżentaw uffiċċjalment lil Andrea Agostinelli bħala kowċ għall-Kampjonat BOV Premier 2022/23. Il-preżentazzjoni saret minn Dr. Duncan Borg Myatt President ta’ Gudja United fejn tenna li wara li l-istaġun li għadda Gudja temmew fis-sitt post fil-klassifika, l-għan huwa li t-tim itejjeb fuq dak li sar u jkunu aktar kompetittivi u fuq linji professjonali.

Fl-ewwel dehra tiegħu mal-ġurnalisti Andrea Agostinelli filwaqt li rringrazzja lil Gudja United tal-fiduċja li wrew fih tenna li l-għan tiegħu huwa li jgħamel tim kompetittiv bil-għan li jiġġieled għal post ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni UEFA. Il-kuntratt ta’ Agostinelli huwa għal sena li jista’ jiġġedded.

Agostinelli, li bħala kowċ għandu esperjenzi varji kemm fl-Italja kif ukoll fl-Albanija u l-Kongo, huwa magħruf l-aktar għall-erba’ staġuni ma’ Lazio bejn l-1975 u l-1979 fejn lagħab 91 partiti u wara ma’ Napoli b’19 il-partita fl-1979-80. Fis-Serie A f’dak il-perijodu kien lagħab wkoll ma’ Pistoiese, Atalanta u Avellino. Bejn l-1976-1978 kien lagħab tnax il-darba mat-tim Nazzjonali Taljan taħt il-21 sena.