Lokali Qorti

Illiberata bil-kundizzjoni wara li gidmet imnieħer żewġha

Mara ta’ 48 sena mill-Imtarfa ġie lliberata bil-kundizzjoni li ma twettaq reat ieħor fi ‘mien sitt xhur wara li nstabet ħatja li gidmet imnieħer ir-raġel tagħha waqt argument bejniethom li nqala’ meta marret biex tiġbor ħwejjiġha mid-dar.

Il-mara kienet tressqet il-Qorti mill-Ispettur Eman Hayman akkużata li fid-19 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet ikkaġunat ferita ħafifa fuq żewġha, li hedditu u nġurjatu. L-inċident bejn il-koppja li tinsab għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjonim kienu spissi.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia rriżulta li x’ħin il-mara marret id-dar biex tiġbor xi affarijiet żewġha beda jirrekordjaha bil-mobile tqalleb fil-garaxx. Kif hija ndunat il-koppja bdew joffendi lil xulxin u f’ħin minnhom ġew wiċċ ma’ wiċċ fejn kien hawn li l-mara gidmet imnieħer żewġha.

Il-Maġistrat qal fis-sentenza li huwa kien qed iqis it-tbatija li tinsab għaddejja minnha din il-familja u awgura li inċidenti simili ma jirrepetux ruħhom. Tenna li s-sitwazzjoni tal-familja mhix waħda feliċi, speċjalment meta wieħed iqis li hemm żewġ ulied li qed jgħixu dan il-kollass fil-familja. Għaldaqstant jekk xejn b’rispett tal-ulied dawn l-inċidenti għandhom jiefqu.

Il-Qorti appellat lill-partijiet biex b’mod matur jikkonċentraw fuq il-kwistjonijiet ta’ bejniethom u waqt il-proċess ta’ separazzjoni jevitaw li jagħmlu l-ħsara lilhom infushom u lil uliedhom. Huwa llibera lill-mara bil-kundizzjoni li ma tikkommettiex reat ieħor fi żmien sitt xhur mid-data tas-sentenza u ordnalha biex ma tikkuntattjax jew timmolesta lil żewġha. Għal mara deher l-Avukat Lennox Vella filwaqt li għall-vittma dehret l-avukat Roberta Bonello.