Lokali Parlament

In-nefqa u l-ħaddiema fil-WSC irdoppjaw mill-2012; il-pagi tal-ħaddiema baqgħu l-istess iżda tad-diretturi irdoppjaw

Mark Anthony Sammut, PN

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) bħalissa qed tħaddem 1,200 impjegat bi spiża ta’ €34 miljun; dawn żdiedu minn 800 ħaddiem fl-2013. Żieda qawwija oħra hi fin-nefqa tal-WSC fejn din kienet €22 miljun fl-2014 iżda telgħet għal €34 miljun s-sena li għaddiet. Dan kollu filwaqt li r-rimunerazzjoni tal-pagi tad-diretturi fl-2020 telgħet minn €66,000; li telgħet għal €128,000 waqt li dik tal-ħaddiema baqgħet fl-istess livelli. Dan jimmerita spjegazzjoni.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-estimi tal-WSC, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut tkellem dwar l-importanza tal-ilma għall-pajjiż u qal li l-WSC tonfoq €12.5 miljun f’elettriku biex tipproduċi l-ilma mir-reverse osmosis. Il-pajjiż ma jistax jiddependi biss mir-reverse osmosis minħabba l-vulnerabbiltà tas-sitwazzjoni.

Għalhekk irid isir l-aħjar użu mill-ilma naturali; fosthom l-ilma tal-pjan. Dan għadu jipprovdi nofs l-ilma tal-pajjiż iżda jinsab f’qagħda prkearja minħabba l-użu eċċessiv ta’ nitrati fl-agrikoltura u l-użu illegali tal-ilma li qed twassal biex jidħol iktar ilma baħar. Jeħtieġ iktar kampanji ta’ edukazzjoni li jqajmu kuxjenza. Hu staqsa hux se jittieħdu azzjonijiet fuq boreholes mhux reġistrati.

Sors ieħor ta’ ilma naturali hu l-ilma tax-xita; l-obbligi dwar il-konservazzjoni ta’ dan l-ilma mhux qed ikunu osservati. Il-gvern għandu jibda programm ta’ restawr ta’ ġibjuni madar il-pajjiż biex iservu ta’ sors tal-ilma.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar in-new water li jintuża għat-tisqija mill-bdiewa u qal li dan qed isir b’investiment ta’ fondi Ewropew. Hemm 1,200 bidwi li qed jibbenefikaw minn din is-sistema għalkemm jidher li dan il-proġett waqa’ lura waqt li qed ikun hemm problemi dwar id-disponibbiltà ta’ dan l-ilma.

Mark Anthony Sammut sostna li sa mill-2011 Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-UE li kienet qed titratta d-drenaġġ kollu qabel dan jintefa’ fil-baħar. Malta kellha wkoll l-aktar baħar nadif fl-UE flimkien m’ Ċipru. Dan sar b’ħafna fondi tal-UE; li ma kinux jiġu kieku Malta ma sseħbitx fl-UE. Illum se jkun hemm proċeduri kontra Malta għaliex il-Gvenr falla milli jkompli jinvesti f’dan is-settur.

Id-deputat Nazzjoalista qal li l-problema ta’ rimi ta’ demel fid-drenaġġ għandha tkun tratta u l-bdiewa li qed iwettqu inizjattiva biex dan ma jsirx ikunu mgħejjuna biex dan id-demel ikun trattat fuq il-post u jsir riżorsa.

Mark Anthony Sammut kkritika l-problema ta’ drenaġġ f’Tas-Sliema u qal li jidher li għad m’hemmx soluzzjoni għaliha.

Il-WSC tħaddem 1,200 ħaddiem bi spiża ta’ €34 miljun; li żdiedu minn 800 ħaddiem fl-2013. Min-nefqa ta’ €22 miljun fl-2014 għal €34 miljun s-sena li għaddiet. Ir-rimunerazzjoni tal-pagi tad-dretturi fl-2020 kienet ta’ €66,000; li telgħet għal €128,000 waqt li dik tal-ħaddiema baqgħet l-istess.

Mark Anthony Sammut tkellem dwar il-kontijiet tal-ilma u appella biex iċ-ċittadini jkunu protetti mir-Regolatur quddiem l-abbużi. Dan ir-Regolatur suppost ikun indipendenti iżda jidher li mhux konxju tar-responsabbitajiet u li l-lealtà tiegħu hi lejn il-konsumatur f’suq kontrollat u mhux liberalizzat.