Lokali Parlament

In-nuqqas ta’ sigurtà u l-qerda tal-ambjent l-akbar problemi f’Għawdex

Alex Borg, PN

In-nuqqas ta’ sigurtà u l-qerda tal-ftit art li fsdal huma l-aktar żewġ kwistjonijiet li qed jolqtu lil Għawdex bħalissa.

Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Alex Borg meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-parlament. Hu qal li n-nies qed jgħixu r-realtà tan-nuqqas ta’ sigurtà f’Għawdex kuljum, sostna Alex Borg, li kompla li Marsalforn għandu din il-problema fejn hemm biża’ fost ir-residenti.

Dan in-nuqqas ġej minn min hu responsabbli biex jalloka r-riżorsi umani u finanzjarji fejn in-nuqqas ta’ pulizija ilu jinaħss. Dan l-aktar fis-sajf fejn il-popolazzjoni ta’ Għawdex tirdoppja iżda r-riżorsi tal-pulizija jibqgħu kif inhuma.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-mekkaniżmu tal-Istat ma nbidlux filwaqt li l-popolazzjoni inbidlet f’Marsalforn, li sar lokal multikulturali. Il-Gvern qed ikaxkar saqajh b’għases magħluqa u nuqqasijiet ta’ pulizija. Problemi oħra huma fil-Port tal-Imġarr u f’Kemmuna. Hemm bżonn titjib kbir fil-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema.

Fl-Awtorità tal-Ippjanar hemm membri tal-bordijiet li qed jaġevolaw lil diversi persuni flok jipproteġu l-ambjent; dan qed isir b’permessi f’postijiet li qabel ma kien jista’ jsir bini fihom. Jeħtieġ bidla fil-policies; id-deputati Laburisti ma jistgħux jibqgħu ma jagħmlu xejn.

Alex Borg qal li l-magħżulin ikunu aġevolati waqt li ma’ negozjanti żgħar hemm ħafna burokrazija. Dan b’detriment għall-ambjent u kontra l-policies tal-ambjent. Il-kunsilli lokali f’Għawdex qed jiġu injorati dwar l-iżvilupp; l-istess kif qed isir f’Malta. Il-pajjiż ġie tradut biex ftit nies jimlew bwiethom.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-fast ferry fejn wara ftehim bejn l-operaturi tnaqqsu l-ħinijiet b’detriment għal dawk li kienu jużaw dan is-servizz. Illum hemm monopopju b’detriment għall-Għawdxin għax issa tnaqqsu anki l-vjaġġi; jeħtieġ jerġgħu jiżdiedu n-numru ta’ vjaġġi. Dan is-servizz għandu jkun regolat mill-Gvern biex il-pubbliku jinqeda.

Hu semma’ s-saħħa tal-Għawdxin fejn is-servizzi ma jistgħux jibqgħu kif inhuma. Jeħtieġ li jiżdiedu s-servizzi fosthom dawk tal-pazjenti tal-kanċer li qed ibatu ħafna minħabba li jkollhom jiġu Malta u jistennew siegħat Mater Dei. Jeħtieġ ukoll bini ġdid ta’ sptar f’Għawdex, sostna Alex Borg.