Internazzjonali

India-Bangladesh: Miljuni affettwati mill-għargħar

epaselect epa10023691 Indian villagers move to a safe place with the help of a boat in the flood-affected area of Morigaon district in Assam, India, 20 June 2022. According to state government officials, over 200,000 people were being sheltered across 744 relief camps, while over 30,000 others were evacuated, as the death toll from floods and landslides in the state rose to at least 73. EPA-EFE/STR

Miljuni ta’ nies madwar l-Indja u Bangladesh qed iġarrbu l-effetti ta’ għargħar qawwi li ‘ma għandu l-ebda limitu’ – bl-istess inċidenzi tal-għargħar, flimkien mal-valangi tal-art kontinwi, iħallu ‘il fuq minn mija mejtin, fost il-konsegwenzi devastanti għal għexieren ta’ komunitajiet.

Dawn iż-żewġ pajjiżi fin-naħa ta’ isfel tal-Asja – u fejn qed jgħixu ‘il fuq minn 1.3 biljuni – bħalissa għaddejjin mill-agħar elementi naturali għal snin u meta l-inċidenzi ta’ maltemp estrem qed isiru dejjem aktar frekwenti u qattiela minħabba l-bidliet fil-klima tad-dinja.

Diversi Stati tal-Indja jinsabu mgħarrqin fost sitwazzjoni ta’ emerġenza kważi bla preċedent…Sitwazzjoni, li, fost oħrajn, swiet il-qerda ta’ miljuni ta’ djar madwar il-pajjiż flimkien ma’ numru sinifikanti ta’ mejtin.

Ir-residenti tal-ibliet u l-villaġġi fl-Istat ta’ Assam, lejn il-Grigal tal-Indja, tkellmu dwar ‘iċ-ċirkustanzi tal-waħx’ wara li t-toroq imtlew bl-ilma fi spazju ta’ ftit sigħat u fejn saru jixbħu sensiela ta’ xmajjar interminabbli – bid-djar kollha jispiċċaw imfawwrin.

Sadanittant, numru sinifikanti ta’ familji spiċċaw iċċirkondati bl-ilma minn kull naħa – iżda fl-istess ħin qed jispiċċalhom l-ilma li hu tajjeb għax-xorb, l-istess bħall-ikel. Dan meta l-livelli tal-ilma kienu qed jitilgħu b’rata mgħaġġla – bil-livell ta’ periklu għall-ħajja jibqa’ wieħed ‘sostanzjali’.

L-inżul tax-xita f’Assam issa laħaq livell storiku u fejn irriżultaw il-widien ta’ qerda  anki għall-art agrikolu.

L-awtoritajiet f’Assam qalu li 32 minn fost il-35 distretti spiċċaw affettwati mill-elementi. Intant, l-għargħar anki ħalla ‘il fuq minn 4.7 miljun persuna mingħajr dar għal din l-aħħar ġimgħa – bil-Gvern Indjan jiftaħ madwar 1,500 kampijiet ta’ emerġenza għar-‘refuġjati interni’.