Lokali

Ir-residenti Beltin urtati li l-Gvern mexa romblu fuqhom

Ir-residenti Beltin urew ir-rabja tagħhom għall-avviż legali li nħareġ mill-Gvern fejn qed jagħti permess li stabbilimenti f’ċertu toroq fil-Belt Kapitali jkunu jistgħu jdoqqu l-mużika barra sas-01:00 ta’ filgħodu minflok sal 11:00pm.

Waqt laqgħa publika tal-kunsill lokali tal-Belt Valletta l-Erbgħa waranofsinhar…il-Minority Leader f’isem il-Partit Nazzjonalista Christian Micallef saħaq li huwa talab għal laqgħa urġenti minħabba li din il-kwistjoni hija importanti ferm, partikolarment għaċ-ċittadini Beltin… iżda baqa’ mingħajr risposta u kellu jistenna proprju sa dak il-ħin biex jieħu risposta.

Waqt il-laqgha, Alfred Zammit, is-Sindku Laburista ssokta li ladarba l-avviż legali ħareġ, dan irid jiġi obdut u ma jista’ jsir xejn dwaru.

Minn naħa tagħhom, il-Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista baqgħu jinsistu li hemm bżonn li l-avviż legali jkun ċar sabiex ir-residenti Beltin ma jbatux.

Meta mistoqsi dwar meta sar jaf bl-avviż legali… Zammit stqarr li inizjalment il-Gvern kien se jagħmel laqgħa miegħu iżda din ma saritx għax huwa kien ma jiflaħx u b’hekk sar jaf mal-kumplament tar-residenti…għax il-Gvern baqa’ għaddej bil-pjani tiegħu mingħajr qatt ma kkonsulta formalment.

Wara ħafna għajjat, battibeki u anke ġlied bejn is-sindku u l-viċi sindku…

… ir-residenti li kienu preżenti għal din il-laqgħa esprimew ir-rabja tagħhom għal fatt li minkejja li preżentement l-avviż legali jippermetti li l-mużika tibqa’ għaddejja sal 11 ta’ filghaxija… xorta waħda diġa qed ikollhom jgħalqu t-twieqi sabiex jorqdu.

Huma komplew jesprimu t-tħassib tagħhom għal fatt li hemm ukoll nuqqas ta’ riżorsi umani fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u għaldaqstant nuqqas ta’ infurzar, liema  problemi mhux qed jiġu indirizzati…

Ir-residenti saħqu li m’għandhom xejn kontra in-negozji u l-attivitajiet li qed jippruvaw iżommu l-Belt Valletta ħajja iżda huma kontra n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ħtiġijiet tan-negozji u ħajjet ir-residenti.

Intant, waqt il-laqgħa ukoll ġiet ppreżentata position paper lis-sindku f’isem il-Valletta Resident Revival.